Fix-xhieda tal-Arċipriet Dun Anton Cassar, hekk kif kompla jinstema’ l-każ tas-serqa tad-deheb mill-Knisja ta’ Bormla, ġie żvelat kif l-oġġetti nstabu wara li xi ħadd mar iqerr għandu. Qrara li wasslet għas-sejba ta’ dawn l-oġġetti.
Fl-awla tal-Qorti l-Arċipriet spjega li dakinhar li nstabu l-oġġetti misruqa kien mar flimkien mas-sagristan, li kien intebaħ b’dak li kien ġara, f’residenza viċin il-mina ta’ Santa Liena, f’żona magħrufa bħala Fuq il-Ġibjun. Dan wara li persuna li marret tqerr għandu għaddietlu informazzjoni ta’ fejn jinsabu l-oġġetti misruqa.
Fil-fatt l-oġġetti nstabu kollha inkluż il-labra tal-brillantini, li ONE NEWS żvela li minkejja li kienet stmata li tiswa madwar €20,000 kienet tiswa biss €100. B’dawk l-oġġetti nstabu fuq il-bejt ta’ din ir-residenza.
Ma’ ONE NEWS, l-Arċipriet stqarr li l-maħfra tiegħu għaż-żewġ akkużati ngħatat dakinhar stess li seħħet is-serqa, fil-fatt fl-awla tal-Qorti llum kellem liż-żewġ akkużati u reġa’ tennilhom li ngħataw il-maħfra.
Iż-żewġ akkużati qed iwieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.