Minkejja li l-Gvern qed ikompli jżid l-investiment pubbliku u joffri sostenn bla preċedent lill-familji u n-negozji, id-defiċit fuq il-Fond Konsolidat kważi naqas b’terz f’Jannar li għadda. Meta mqabbel ma’ sena ilu, id-defiċit tal-Gvern tjieb b’€39 miljun.
Fl-ewwel xahar tal-2024 id-defiċit tal-Gvern kien ta’ €82 miljun, ammont li hu ferm inqas mid-defiċit ta’ €129 miljun, li kien ġie rreġistrat fl-ewwel xahar tal-2012 taħt amministrazzjoni Nazzjonalista. Fi żmien meta l-Gvern kien immexxi minn Lawrence Gonzi, id-defiċit fix-xahar ta’ Jannar kien medja ta’ €105 miljun jew terz aktar mid-defiċit osservat f’Jannar ta’ din is-sena.
Dan anke jekk l-ekonomija llum il-ġurnata hi d-doppju ta’ dik li kienet fi żmien Gonzi, fatt li juri kemm il-finanzi pubbliċi taħt Gvern Nazzjonalista kienu f’sitwazzjoni ferm ħażina.
Minbarra hekk, fl-2009, meta pajjiżna kien għaddej minn sfidi ekonomiċi internazzjonali ferm inqas minn dawk preżenti, id-defiċit kien saħansitra laħaq il-€136 miljun, b’detriment għall-familji u n-negozji bl-ogħla kontijiet tad-dawl u bi prezzijiet tal-fuel aktar mill-medja Ewropea.
B’differenza ma’ dan, l-amministrazzjoni preżenti qed tkun ta’ spalla għall-familji Maltin, minkejja l-isfidi kollha internazzjonali, bl-ekonomija Maltija tkompl tikber ħafna, tant li d-dħul tal-Gvern tela’ b’€94 miljun fl-ewwel xahar ta’ din is-sena.
Dan id-dħul kien dovut għal diversi fatturi. Pereżempju, id-dħul mill-Income Tax żdied b’€31 miljun jew b’20%, kien hemm ukoll tkabbir ta’ €11-il miljun fid-dħul mill-Bolla, €8 miljun mill-VAT, €12-il miljun mil-liċenzji u €11-il miljun mid-Dwana. Ma’ dan kien hemm titjib ta’ €12-il miljun fid-dħul mill-grants.
Sadanittant, fl-ewwel xahar tas-sena, il-Gvern wettaq rekord ta’ €21 miljun fi spiża kapitali, żieda ta’ €6 miljun imqabbel ma’ sena qabel.
Din iż-żieda kienet dovuta l-aktar f’investimenti fit-toroq, bl-ispiża rikurrenti kienet ta’ €44 miljun akbar u li ħafna minnha kienet fuq benefiċċji soċjali aħjar.