Ikompli t-titjib fil-finanzi pubbliċi tal-Gvern, bl-ewwel seba’ xhur ta’ din is-sena, il-kaxxa ta’ Malta tirreġistrat tnaqqis fl-iżbilanċ b’€36.1 miljun meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel. Id-defiċit f’dan il-perjodu kien ta’€105 miljun.
Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li bejn Jannar u Lulju li għadda, il-Gvern irreġistra dħul ta’ €253.6 waqt li n-nefqa totali kienet tammonta għal €217.6-il miljun, bidla pożittiva ta’ €36 miljun.
Id-dħul tal-Gvern sar minn diversi sorsi, bl-akbar dħul ikun irreġistrat mill-VAT u mill-Income Tax, b’€59.1 miljun u €42.1 rispettivament – dan ifisser dħul ta’ aktar minn €100 miljun.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qal li z-żieda fin-nefqa fil-programmi u l-inizjattivi kienet fost il-kontributi li wasslet għaż-żieda fin-nefqa tal-Gvern li kienet tinkludi wkoll nefqa akbar ta’ aktar minn €14.5-il miljun fi proġetti kapitali li jinkludi l-bini ta’ toroq ġodda.
L-istatistika turi wkoll li matul l-ewwel seba’ xhur ta’ din is-sena, id-dejn tal-Gvern baqa’ fl-istess livell li kien matul l-istess perjodu tas-sena li għaddiet waqt li l-interessi fuq id-dejn naqsu bi kważi erba’ miljun ewro fis-sena.