Il-kontijiet tal-Gvern irreġistraw tnaqqis mill-ġdid fid-defiċit, skont l-aħħar pubblikazzjoni f’dan ir-rigward mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, ta’ kull tliet xhur.
Fil-fatt, bejn Jannar u Marzu li għaddew, il-Gvern irreġistra dħul ta’ kważi biljun u seba’ mitt miljun ewro, waqt li l-infieq tiegħu laħħaq għal
kważi biljun u seba’ mija u ħamsin miljun ewro, differenza ta’ disgħa u ħamsin punt tnejn miljun ewro.
Jirriżulta li dan hu l-aqwa riżultat fid-defiċit nazzjonali f’dawn l-aħħar ħames snin mimlijin bi sfidi internazzjonali.
Bil-maqlub, fl-ewwel kwart tal-2012, meta l-isfidi kienu ferm iżgħar minn dawk tal-lum, Gvern Nazzjonalista kellu defiċit ta’ disgħa u sittin miljun ewro.
Id-dħul sħiħ tal-Gvern ra żieda ta’ kważi mitejn u tmenin miljun meta mqabbel mal-istess l-ewwel tliet xhur fl-2023. Dan kien ġej l-aktar minn żidiet fit-taxxi kurrenti fuq id-dħul u l-ġid ta’ aktar minn mija u wieħed u ħamsin miljun ewro, u fil-produzzjoni u l-importazzjoni ta’ iżjed minn wieħed u sebgħin miljun ewro, fost l-oħrajn.
Fl-istess żmien, in-nefqa fil-finanzi tal-Gvern rat żieda taʼ aktar minn disgħin miljun, irreġistrata partikolarment fil-benefiċċji soċjali ta’ kważi tlieta u ħamsin miljun u fil-kumpens lill-impjegati ta’ wieħed u tletin miljun, fost l-oħrajn.
Fl-aħħar taʼ Marzu li għadda, id-dejn ġenerali mill-Gvern ammonta għal kważi għaxar biljun ewro, li jfisser ħamsin punt erbgħa fil-mija tal-ġid kollu nazzjonali.