Id-defiċit fil-Fond Konsolidat tal-Gvern fi tmiem Mejju rreġistra tnaqqis ta’ aktar minn €270 miljun ewro.
Dan ħareġ minn stqarrija mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, hekk kif id-differenza bejn u id-dħul u l-infiq totali tal-Gvern uriet defiċit ta’ ftit aktar minn €103 miljun.
L-NSO spjega wkoll li, bejn Jannar u Mejju tal-2023, id-Dħul Rikorrenti ammonta għal aktar minn €2,454 miljun. Dan ifisser aktar minn €325 miljun miċ-ċifra tal-istess perjodu s-sena li għaddiet.
Fil-fatt, l-akbar żieda kienet irreġistrata fit-Taxxa tad-Dħul, bi kważi €180 miljun. Warajha kien hemm l-Għotjiet, li ammontaw għal €56 miljun, is-Sigurtà Soċjali, b’aktar minn €36 miljun, u t-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, b’aktar minn €28 miljun.
Intant, fi tmiem Mejju, in-Nefqa Totali laħqet l-€2,558 miljun.
Dan jammonta għal aktar minn €55 miljun aktar mis-sena ta’ qabel.
F’dan l-istess perjodu, in-Nefqa Rikorrenti kienet ta’ €2,252 miljun u b’hekk żieda ta’ €39 miljun fuq Mejju tal-2022.
Il-fatturi ewlenin li wasslu għal din iż-żieda kienet żidiet fil-Kontribuzzjonijiet lill-Entitajiet Pubbliċi, b’aktar minn €33 miljun, u fis-Salarji u Pagi, bi €22 miljun.
L-iżviluppi ewlenin fil-kategorija tal-Programmi u Inizjattivi kienu ħruġ anqas għall-iskemi ta’ għajnuna tal-Pandemija (€107.5 miljuni), għall-ħlasijiet għall-Istimolu tal-Ekonomija (€48.2 miljun), u għar-Riżorsi tal-UE (€42.1 miljun).
It-tnaqqis fil-ħruġ kien, sa ċertu punt, ibbilanċjat bʼżjidiet fin-nefqa għall-miżuri ta’ għajnuna għall-Enerġija (€66.1 miljun), u għall-Benefiċċji tas-Sigurtà Soċjali (€40.9 miljun).