F’intervista permezz ta’ kollegament telefoniku fuq ONE Radio, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li d-deċiżjonijiet li ħadna flimkien issa qed jissarfu f’fiduċja mill-familji u n-negozji.
Il-Prim Ministru spjega kif dawn l-aħħar xhur ilkoll ħdimna bi pjan u l-poplu sab Gvern attiv u preżenti miegħu.
Il-Ħadd filgħodu, il-Prim Ministru esprima s-sodisfazzjon tiegħu li pajjiżna din il-ġimgħa reġa’ għamel pass eqreb lejn in-normalità.
Il-Prim Ministru qal kif fil-jiem li għaddew kellmuh bosta sidien ta’ ristoranti u li ddeskrivew din il-ġimgħa bħala waħda tajba għan-negozju tagħhom, inkluż negozjanti Għawdxin.
Hu stqarr, “Aħna ħadna f’dawn l-aħħar xhur forsi l-aktar deċiżjonijiet f’mument iebes u l-aktar deċiżjonijiet iebsin li qatt se jkollna ħtieġa li nieħdu. Iżda għax kellna l-kuraġġ li neħduhom f’mumenti diffiċli illum il-kuraġġ fit-teħid ta’ dawk id-deċiżjonijiet qed jissarraf f’fiduċja u f’ottimiżmu b’konsegwenza tal-pjan li ħdimna bih.”
Dr Abela qal li Malta kellha viżjoni fejn tmur, u minħabba hekk qed naraw issa r-riżultati pożittivi.
Fuq is-settur tat-turiżmu, il-Prim Ministru Robert Abela qal li kien kruċjali li dan jingħata attenzjoni sabiex jirkupra mill-pandemija tal- u tenna l-ħidma tal-Gvern Malti f’dan il-qasam.
Ma naqasx li hawnhekk il-Prim Ministru jinnota kif Malta qiegħda fl-aqwa post tal-programm ta’ vaċċinazzjoni fid-dinja, dan anke propju jum qabel ma Malta tiftaħ it-tilqim għall-popolazzjoni kollha minn sittax-il sena ‘l fuq.
Innota iżda li pajjiżna mhux f’kompetizzjoni ma’ pajjiżi oħra u qal li lkoll irridu niġbdu ħabel wieħed.
Il-Prim Ministru sostna, “Mhux biss kruċjali li jirkupra pajjiżna imma daqstant ieħor huwa kruċjali li dawk il-pajjiżi li tradizzjonalment magħhom ikollna ħafna turiżmu, importanti li jirkupraw ukoll. Jiġiifieri t-tellieqa ewlenija tibqa’ kontra l-pandemija. Iva kburi li statistikament qegħdin l-aqwa.”
Fl-intervista l-Prim Ministru qal li l-Maltin u Għawdxin qed jafdaw u jħossuhom siguri f’kull sens fosthom anki mill-att ta’ saħħa.
Dr Abela stqarr, “Fuq kollox huwa u l-akbar sodisfazzjoni huwa li tara lil Maltin li jħossuhom siguri f’pajjiżhom. Maltin u Għawdxin li jħossu dan is-sena ta’ sigurtà minn aspett ta’ saħħa, mid-diversi aspetti oħrajn li tħoss li qiegħed sigur f’pajjiżek.”
Hawnhekk il-mexxej Laburista rrefera wkoll għar-rapport tal-Kummissjoni Ewropea, li bassar kif l-ekonomija Maltija se tkun qed tikber iktar mill-medja Ewropea u darba u nofs aktar minn dak previst mill-esperti tal-Kummissjoni Ewropea, sitt xhur ieħor.
Innota kif fl-istess ħin li għandek Gvern għaddej b’ħidma favur saħħet il-poplu, għandek Oppożizzjoni li qed tifraħ bid-deni bħal meta għal darba, darbtejn ferħet għaliex Malta ma kinitx inkluża fil-lista l-ħadra tar-Renju Unit.
Il-Prim Ministru Robert Abela rringrazzja lill-poplu kollu li f’dawn iż-żminijiet kien lest li jagħmel is-sagrifiċċji meħtieġa.