“Id-deċiżjonijiet iebsa, noħodhom u se nibqa’ noħodhom.” Qal dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela, meta indirizza attività poltitika fl-Imġarr Għawdex, bit-tema ‘Inġeddu Malta Pajjiżna’.
Fil-fatt, il-Prim Ministru, tkellem dwar kif il-fiduċja li għandha sservi ta’ għodda għall-bidla.
Dr Abela, elenka wkoll għal numru ta’ standards li daħħal Gvern Laburista stess, għall-kuntrarju ta’ meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-Gvern, fejn il-persuni fi ħdanu, kienu insindikabbli.
Il-Mexxej Laburista qal kif irid ikompli jissaħħaħ l-impenn, filwaqt, li l-fiduċja trid tisseddaq, anke f’kuntest ta’ oppożizzjoni mhedija fil-partiġġjaniżmu.
“Dak l-għatx għar-rebħa, dak l-impenn għax-xogħol, dik il-grinta, l-enerġija, irrid naraha tkompli tissaħħah fina għaliex aħna rridu u se nerġgħu nkunu rebbieħa bis-saħħa. Dak il-ġid kollu li wettaqna u li għad irridu nwettqu għal dan il-pajjiż. Ma se nħallu lil ebda Oppożizzjoni dilettanteska tipperikolah.”
Żied jgħid kif kien Gvern Laburista li introduċa sistemi ġodda u iebsa ta’ governanza, li jaħsbu għal sitwazzjonijiet differenti.
Il-Prim Ministru semma wkoll kif dan il-baġit kien l-aktar baġit b’saħħtu, minkejja li għadna f’nofs il-leġiżlatura, hekk kif kien baġit li ppremja l-bżulija, b’inqas taxxi.
“L-aktar baġit b’saħħtu li qatt kellna u meta għadna f’nofs il-leġiżlatura. Għiduli intom, jekk aħna il-kelma tagħna żammejnhiex magħkom. Il-pensjonanti, jekk żidnikomx kif wednikom u aktar? Intom il-familji, jekk quddiem il-pressjonijiet internazzjonali konniex u għadniex magħkom nappoġġjawkom bi skemi u għajnuniet? Intom il-familji li għandkom persuni b’diżabilità jekk daħħalniex miżuri sodi, biex nagħtu d-dinjità lill-familji tagħkom u lil uliedkom. Għiduli intom il-ħaddiema bieżla jekk dik il-bżulija hux se nippremjawha b’inqas taxxi u b’iżjed opportunitajiet.”