Il-Prim Ministru jinsab fi Brussell għall-laqgħa tal-Kunsill Ewropew.
Mal-wasla tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat wieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti u stqarr li matul din il-laqgħa għandha tittieħed deċiżjoni dwar jekk Donald Tusk hux se jkollu l-mandat imġedded għal tliet snin oħra, bħala President tal-Kunsill Ewropew.
Dan hekk kif il-Prim Ministru Joseph Muscat se jkun qed jippresjedi l-parti tal-Kunsill Ewropew li se tiddeċiedi jekk Tusk jibqax iżomm il-kariga tiegħu. L-estensjoni tal-mandat ta’ Tusk qed jopponuha l-Polonja – art twelid Donald Tusk, li ma jridux li dan jibqa fi tmum tal-Kunsill Ewropew. Filfatt, il-Polonja qed tipproponi isem alternattiv – Jacek Saryusz-Wolski – Ewroparlamentari Pollakk li sal-bierah kien Viċi President tal-Partit Popolari.
Il-mexxejja Ewropej mistennija jiddiskutu ukoll, fost oħrajn, il-migrazzjoni, is-sitwazzjoni fil-Balkani u s-sitwazzjoni tal-ekonomija.
Għada imbagħad ser ikun hemm diskussjoni, mingħajr is-sehem tar-Renju Unit, fuq id-dikjarazzjoni ta’ Ruma fuq il-Futur tal-Unjoni Ewropeja. Għal din id-diskussjoni ġie preparat dokument mill-Prim Ministru Malti, il-Prim Ministru Taljan, il-President Juncker u l-President Tusk.