L-espert kostituzzjonali u dekan tal-Fakultà tal-Liġi, il-Professur Kevin Aquilina, ddeskriva bħala waħda li tmur kontra l-kostituzzjoni d-deċiżjoni tal-qorti li żżid żewġ siġġijiet fil-Parlament lill-Partit Nazzjonalista.
F’artiklu dettaljat fit-Times of Malta, il-Professur Aquilina għamilha ċara li deċiżjoni dwar kif tkun magħmula l-kamra tar-rappreżentanti tista’ toħodha biss il-Qorti Kostituzzjonali. Tenna li din il-qorti kienet diġa’ ddeċidiet fit-13 ta’ Marzu 2013 meta ftit wara l-elezzjoni kienet irrifjutat it-talba tal-Partit Nazzjonalista.
Naturalment, il-Professur tal-liġi jagħmel argumenti tekniċi bbażati fuq artikli diversi li wieħed isib fil-liġijiet Maltin. Peró fi fti kliem jgħid li deċiżjoni kostituzzjonali (bħal dik ta’ 13 ta’ Marzu) ma tistax tkun riveduta minn qorti oħra.
“Il-Qorti Ċivili, li tat żewġ siġġijiet oħra lill-Partit Nazzjonalista, bħala rimedju taħt l-Att tal-Konvenzjoni Ewropea, qed tmur kontra l-kostituzzjoni li tgħid li hija biss il-Qorti Kostituzzjonali li tista’ tiddeċiedi dwar temi bħal dawn,” kiteb il-Professur li propona emendi fil-liġi biex kollox ikun iktar ċar.
Il-Gvern u l-Partit Laburista qed jappellaw minn din is-sentenza li żiedet is-siġġijiet fil-Parlament lill-Partit Nazzjonalista.