“L-għażla s-Sibt li ġej hija waħda, dik tal-Partit Laburista.”
Kien b’dan il-kliem li d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, tal-Partit Laburista Daniel Micallef indirizza lill-folla li nġabret f’MFCC Ta’ Qali għall-aħħar Rally Team Malta f’din il-kampanja elettorali.
Daniel Micallef, f’messaġġ b’saħħtu, qal kif is-Sibt li ġej il-poplu Malti u Għawdxi se jagħżel id-destin tal-pajjiż.
Qal, “L-għażla quddiemkom hija waħda, li s-Sibt taqbdu d-dokument tal-vot u tmorru tagħtu l-appoġġ tagħhkom lil dan il-moviment. Dawk il-ftit minuti li nagħmlu fil-kamra tal-vot, jitfgħu fuqna responsabbilità kbbira, mhijiex kwistjoni biss li tagħżel Gvern għal ħames snin, iżda hija deċiżjoni li tfassal destin ta’ pajjiż.”
Hawnhekk huwa nnota d-differenza enormi bejn iż-żewġ partiti ewlenin, fejn min-naħa kellek Gvernijiet Nazzjonalisti li staġnaw l-ekonomija tal-pajjiż u min-naħa l-oħra Gvern Laburista li wettaq rivoluzzjoni soċjali, kisbiet bla preċident fejn jidħlu d-drittijiet ċivili u anke tkabbir ekonomiku b’saħħtu.