Id-deċiżjoni ta’ Therese Comodini Cachia li ma tikkontestax mal-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, tħalli vojt fil-Partit Nazzjonalista.
Dan stqarritu l-gazzetta The Malta Independent f’editorjal li kompla jesponi l-apatija u l-intriċċi fil-Partit Nazzjonalista.
L-editur tal-Independent saħaq li kuntrarjament għal dak li qed jintqal, li l-Partit Nazzjonalista jrid idaħħal nies ġodda fil-partit, fejn l-uċuh antiki jagħmlu post għall-ġodda, issa qed iseħħ il-kontra.
Dan fil-kuntest li l-gazzetta indipendenti qalet li Comodini Cachia hija meqjusa bħala figura ġdida fil-politika wara li ġiet eletta fil-Parlament Malti f’din il-leġiżlatura.
L-editorjal jinnota kif kien ta’ diżappunt kbir għal Comodini Cachia, li ntużat mid-deputati ribelli li riedu jqaċċtu lil Adrian Delia minn Kap Nazzjonalista.
Fil-fatt jingħad li Therese Comodini Cachia ħassitha traduta u użata mill-kollegi deputati Nazzjonalisti.
L-editorjal saħansitra jgħid li Comodini Cachia ntebħet li bħala politikanta ma kinitx importanti għad-deputati l-oħra.
L-Independent tgħid li l-ewwel lil Comodini Cachia firxulha it-tapit l-aħmar għaliex kienet meqjusa bħala l-inqas figura mhux kontroversjali għall-Kap tal-Oppożizzjoni, imbagħad ġibdulha t-tapit minn taħt saqajha.
Dan wara li tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil u l-establishment, li jiddetta dak kollu li jiġri fil-Partit Nazzjonalista, ra kif ma kienx hemm iżjed bżonn Comodini Cachia u tpoġġa Bernard Grech biex itellaq kontra Adrian Delia.
L-editorjal semma wkoll kif Comodini Cachia kienet waħda li affaċċjat kritika meta l-ewwel kienet se ċċedi s-siġġu parlamentari biex iżżomm is-siġġu fil-Parlament Ewropew, b’salarju ferm akbar.
Intqal li mbagħad Comodini Cachia malajr irkuprat mill-att imbarazzanti tagħha u li l-Partit Nazzjonalista tilef moħħ importanti, hekk kif Comodini Cachia kienet waħda mill-ftit fil-grupp parlamentari, li ma kinitx ta’ żmien GonziPN.