Id-deċiżjoni tal-eks kap Nazzjonalista Simon Busuttil li ma jirriżenjax minn deputat wara li ġarrab telfa aktar minn tal-predeċessur tiegħu wasslet għall-qasma akbar fil-Partit Nazzjonalista.
Sosnta dan l-editorjal ta’ The Malta Independent li għamel analiżi tal-ewwel sena tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fit-tmun tal-partit.
Qal li mindu ħa t-tmun, bosta partitarji Nazzjonalisti, l-aktar dawk li kienu segwaċi ta’ Daphne Caruana Galizia baqgħu ma aċċettawhx u se jkun kważi impossibbli għalih biex jirbaħhom.
Agħar minn hekk jgħid li fost l-aktar nies li kienu voċiferi f’dan il-grupp hemm deputati tiegħu stess. Żied li l-fatt li l-eks kap nazzjonalista Simon Busuttil baqa’ fil-Parlament kompla għarraq is-sitwazzjoni.
Ingħad li għalkemm ġarrab telfa akbar minn ta’ Gonzi fl-2013 u wassal lill-Partit Nazzjonalista għall-ikbar telfa elettorali fl-istorja, Busuttil baqa’ membru parlamentari u m’hemmx dubju li dan wassal għal qasma ikbar fl-istrutturi interni tal-partit.
Semma li l-lapsus ta’ David Casa fuq il-fosos meta sejjaħ lill-Kap Nazzjonalista Adrian Busuttil jagħti indikazzjoni li l-preżenza ta’ Busuttil fil-partit hija aktar ta’ tfixkil.
Ifakkar kif Delia u Busuttil spiċċaw ras ma’ ras wara l-pubblikazzjoni tal-inkjesta Egrant li kixfet id-diffikultajiet tal-amministrazzjoni ta’ Delia.
Qal li fil-partit Nazzjonalista saret xi ħaġa komuni li d-deputati jiġu assoċjati mal-fazzjoni ta’ Busuttil jew ma’ ta’ Delia. Qal li sakemm ma tispiċċax din is-sitwazzjoni, l-attentat ta’ Delia li jibni l-partit mill-ġdid se ssib aktar ostakli milli nies lesti biex jgħinu.
L-editorja saħaq li l-akbar inkwiet ta’ Delia fl-ewwel sena kien li jikkontrolla l-inkwiet intern fil-partit.
Qal li dan ħadlu ħafna mill-enerġija li kellu bżonn biex jifformula l-politika għax-xhur u s-snin li ġejjin. Fl-istess waqt ingħad li mhux dejjem sab il-koperazzjoni tad-deputati tiegħu.
Żied jgħid li l-akbar test għal Delia se tkun l-elezzjoni ta’ Mejju tas-sena d-dieħla u sostna li jekk ma jiksibx riżultat tajjeb, se jerġa’ jkun hemm sejħiet ġodda biex iwarrab. Qal li Delia u l-partit iridu jaħdmu biex jevitaw dan, iżda sostna li f’Tal-Pieta mhux kulħadd qed jiġbed l-istess ħabel.