“Nifhem is-sentiment ta’ rabja tal-poplu Malti u nħoss l-istess sentiment. Fl-aħħar erbgħin jum l-Unjoni Ewropea ħalliet lil Malta waħedha biex issolvu kwistjoni kumplessa bħall-immigrazzjoni, li hija wkoll problema tal- Unjoni Ewropea”.
Dan kien il-mod trasparenti u onest li bih il-Prim Ministru Robert Abela wieġeb waqt intervista li xxandret il-Ħadd filgħodu fuq ONE, fejn tkellem dwar l-aħħar zviluppi dwar l-immigranti li ddaħħlu pajjiżna li kienu abbord erba’ dgħajjes ftit ‘il barra minn xtutna. Hawn spjega li sa qabel ma’ nqalgħet kommossjoni fuq il-bastiment, ma kienx hemm ħsieb li dawn l-immigranti jiddaħħlu, hekk kif għadhom għaddejjin diskussjonijet dwar ir-rilokazzjoni tagħhom fuq skala Ewropea.
“Ġejt infurmat mill-ekwipaġġ li l-immigranti daħlu fl-kċina, ħatfu skieken f’idejhom, bdew jheddu li se jisplodu ċilindru tal-gass u jaħarqu żibel fuq id-dgħajsa. Jiġifieri s-sitwazzjoni eskalat u kien hemm bżonn intervent. Bdew jikkomunikaw inkluż miegħi u jgħidulna ‘salvawna’. Hekk kienet is-sitwazzjoni fil-mument.”
Spejga wkoll kif id-deċiżjoni kellha tittieħed f’nofs siegħa u kif “li kieku tlajna fuq il-bastiment f’dak il-maltemp ta’ Forza 6, l-Armata qaltilna li kienet attrezzata biex tagħmilha u setgħet titla’ abbord il-bastiment, imma b’sogru inkluż imwiet. F’ħin minnhom l-ekwipaġġ u membri tas-sigurtà fuq, u l-immigranti taħt, u tawna nofs siegħa ċans inkella se jieħdu l-ekwipaġġ f’idejhom. Id-deċiżjoni kellha tittieħed f’nofs siegħa.”
Hawnhekk il-Prim Ministru fakkar kif kienet Malta li għal darb’oħra kkordinat u wettqet is-salvataġġ ta’ dawn il-persuni minkejja l-għajta ta’ solidarjetà mill-Unjoni Ewropea.
Il-Gvern Malti mar fil-periklu il-Libja biex jindirizza din il-pjaga, anke meta dan il-pajjiż kien f’lockdown totali minħabba l-Covid-19, b’sogru wkoll li jkun hemm attakk fuq l-ajruplan stess waqt l-inżul jew it-tluq mil-Libja:
“Dak hu l-kuntest li aħna morna fih. Fil-bagalja li ħadna kellna bullet-proof vest. Illum dawn ngħidhom biex kulħadd ikun jaf. Ma nistax ninsa lanqas lill-mara tiegħi tgħidli ‘tinsiex li għandek tifla ta’ tmien snin, u din mhux deċiżjoni responsabbli li qed tiegħu’. Dawn huma ċ-ċirkostanzi li ħdimna fihom biex nilqgħu għall-problema tal-immigrazzjoni f’pajjiżna.”
Grazzi għal din il-ħidma mal-Gvern Libjan, ġie ffirmat ukoll ftehim li waqqaf mal-elf u ħames mitt immigrant ieħor milli jersqu lejn Malta. Il-Prim Ministru temm jispjega li issa se tintensifika l-ħidma għar-rikolazzjoni tal-immigranti, anke fid-dawl li l-iskuża tal-pandemija li s’issa tenniet l-Unjoni Ewropea, għaddiet.
“Il-problema tal-immigrazzjoni, u nfakkar li qed nitkellmu dwar umani, trid tiġi indirizzata mix-xtut libiċi. Mhux li nħallu immigranti jitilqu mil-Libja u mbagħad naraw f’liema SAR se jaslu u min se jsalvahom u min se jegħreq. Irridu soluzzjoni ħolistika fix-xtut u jien kommess li nibqa’ naħdem għaliha dik is-soluzzjoni”, temm jgħid il-Prim Ministru.