L-aktar tiġrija importanti u mistennija fil-programm tal-Ħadd kienet il-finali għall-Klassi Gold Tazza Johnnie Walker. 12 il-żiemel ikkompetew fuq distanza ta’ 2140m wara li kienu kkwalifikaw mill-heats u s-semi finali. Bħala riżultat ma nistawx ngħidu li kien sorpriża hekk kif iż-żewġt iżwiemel li ddominaw u rebħu kemm il-heats kif ukoll is-semi finali spiċċaw l-ewwel u t-tieni. Filfatt kienet id-debba Navaj Brodda misjuqa minn Charles Camilleri li rebħet komdu b’diversi tulijiet sabiex irreġistrat is-sitt rebħa konsekuttiva tagħha. Frans Azzopardi sid din id-debba rċieva it-tazza prestiġjuża Johnnie Walker li kienet ippreżentata mill-Marketing Manager ta’ M.Demajo Wines & Spirits Ltd is-Sur Alfred Braddick.Fil-programm ukoll kellna 3 Condition Races fejn dik tal-Klassi Silver rat it-2 rebħa konsekuttiva u l-ħames waħda tas-sena għal Angelus du Pont misjuq minn Redent Magro. Tal-Klassi Bronze intrebħet minn Look Twice li kien qed jinstaq għall-ewwel darba minn David Galea fejn dan iż-żiemel irreġistra it-tieni rebħa konsekuttiva tiegħu filwaqt li fil-Klassi Copper iż-żiemel li għad għandu biss 4 snin Eragon Tege irreġistra it-tielet rebħa konsekuttiva u ir-raba’ waħda għal din is-sena b’faċilita kbira misjuq għall-ewwel darba minn Antonio Gassiraro.
Is-sitt tiġrijiet l-oħra fil-programm kienu tiġrijiet fuq distanza twila ta’ 3140m fejn iż-żwiemel la ħadu u lanqas tnaqqsulhom punti. Fil-Klassi Premier ħareġ rebbieħ id-debuttant Urkan des Landiers misjuq minn Jesmar Gafa’. It-tliet tiġrijiet tal-Klassi Silver taw l-ewwel rebħa f’Malta lil Damu Cherry misjuqa minn Julian Farrugia u Black Gold misjuq minn Herman McKay u l-ewwel rebħa ta’ l-istagun għal Sitka Rod misjuq minn Tony Demanuele.
Fi klassi Bronze Titan des Tincques irreġistra it-tieni rebħa konsekuttiva u r-raba’ waħda tas-sena misjuq minn Cliferty Calleja u Cirella de Kacy misjuqa minn Rodney Gatt irregistrat it-tieni rebħa tas-sena fi Klassi Copper.
Ritratt: Alex Azzopardi