Il-President tal-Malta Football Association, Norman Darmanin Demajo, li wkoll jissemma f’Panama Papers qal li “bħal dejjem” lest ikun suġġett għall-kwalunkwe investigazzjoni jew awditjar indipedenti inkluż mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni.
Darmanin Demajo qal dan meta dalgħodu ta t-tieni reazzjoni tiegħu għall-fatt li lbieraħ ismu feġġ fost dawk ta’ Panama Papers. Qal li fl-aħħar għoxrin sena kien direttur u azzjonist f’diversi kumpaniji fosthom dawk offshore. Qal li hu mhuwiex is-sid aħħari u huma reġistrati għal raġunijiet legali u m’għandhom x’jaqsmu ma’ ebda attività illeċta.
Żied li kull darba għamel process ta’ analiżi qabel issieħeb f’dawn il-kumpaniji biex jassigura li jaħdmu b’mod leġittimu u bona fide. Qal li ħafna mill-kumpaniji li hu involut fihom hu ma jinnegozjawx iżda għandhom assi bħal drittijiet ta’ IP u trademarks. Żied li kull dħul li għamel iddikjarah dejjem u stqarr li m’għandu ebda kontijiet barra minn Malta. “Kull m’għandi qiegħed Malta,” temm jgħid id-De De.