L-ekonomija Maltija rkuprat b’pass aktar mgħaġġel minn dak li kien anteċipat wara l-pandemija u mistennija tkompli tikber b’mod sod fis-snin li ġejjin, mikjejja r-riskji intensifikati u l-effett negattiv tal-kunflitt fl-Ukrajna.
Dan sostnietu l-aġenzija internazzjonali tal-kreditu, DBRS Morningstar, filwaqt li żammet ir-rata ta’ A għall-ekonomija Maltija. L-aġenzija qed tbassar ukoll li l-ekonomija se tgawdi minn irkupru aktar qawwi meta t-turiżmu lejn pajjiżna jaqbad ritmu aktar mgħaġġel.
L-aġenzija nnutat li, filwaqt il-periklu għall-ekonomija Maltija minħabba l-gwerra fl-Ukranja xorta waħda jippreżenta sfidi ġodda, pajjiżna ħa l-passi meħtieġa sabiex l-ekonomija tkun f’pożizzjoni aktar vantaġġjuża. Fost l-oħrajn, l-aġenzija semmiet il-passi li ħadet Malta sabiex timplimenta l-pjan ta’ azzjoni tal-FATF, u nnutat li pajjiżna implimenta parti parti sostanzjali minnu.
Id-DBRS spjegat li l-qagħda ekonomika b’saħħitha li kellha Malta qabel il-pandemija kienet essenzjali sabiex ikun hemm sostenn tal-ekonomija. Rigward il-klassifikazzjoni ta’ A lill-ekonomija, ġie spjegat li din ir-rata għolja hija possibbli minħabba bosta fatturi, fosthom livell moderat ta’ dejn pubbliku u qagħda finanzjarja soda tal-familji Maltin.
Intant, fi Tweet, il-Prim Ministru Robert Abela ddeskriva l-istqarrija tad-DBRS bħala vot ieġor ta’ fiduċja fir-reżiljenza tal-ekonomija Maltija. Huwa afferma li huwa essenzjali li l-pajjiż jibqa’ jkollu l-kontinwità fil-politika ekonomika u jibqa’ għaddej b’aktar riformi sabiex tinbena prosperità ġdida.