L-aġenzija internazzjonali tal-klassifikazzjoni tal-kreditu DBRS Morningstar reġgħet ikkonfermat għal darb’oħra l-ogħla klassifikazzjoni li kienet tat lill-ekonomija Maltija: dik ta’ A (għolja) b’tendenza stabbli.
Din il-klassifikazzjoni hija sostnuta mill-isħubija ta’ Malta fiż-Żona tal-Ewro, mil-livell moderat ta’ dejn pubbliku li għandu l-pajjiż u mill-pożizzjoni esterna soda tiegħu, kif ukoll mill-pożizzjoni finanzjarja b’saħħitha tal-familji Maltin.
L-aġenzija internazzjonali rrimarkat li, wara d-daqqa ’l isfel li ħadet fl-2020 minħabba l-Covid, l-ekonomija ta’ Malta rkuprat malajr mix-xokk tal-pandemija. Dan kien possibbli bl-għajnuna tal-miżuri ta’ appoġġ min-naħa tal-Gvern u bl-irkupru fit-turiżmu, li kien akbar milli kien antiċipat. Fil-fatt, wara li minħabba l-imxija l-Prodott Domestiku Gross f’pajjiżna ċkien bi 8.6 fil-mija, Malta mbagħad irreġistrat wieħed mill-iktar irkupri mgħaġġlin fl-Unjoni Ewropea kollha, b’rati ta’ tkabbir tal-Prodott Domestiku Gross ta’ 11.8 fil-mija fl-2021 u ta’ 6.9 fil-mija fl-2022.
Id-DBRS innotat ukoll li l-impatt tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna fuq l-ekonomija Maltija s’issa kien wieħed modest, anki minħabba d-deċiżjoni tal-Gvern li jiffriża l-prezzijiet bl-imnut tad-dawl u tal-fjuwil.
Fir-rapport tagħha, l-aġenzija innutat it-tneħħija malajr ta’ Malta mil-lista l-griża tat-Task Force għal Azzjoni Finanzjarja (l-FATF) f’Ġunju li għadda. Innutat ukoll l-impenn persistenti fil-pajjiż biex jissaħħu l-istrutturi għal kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u dik tal-governanza istituzzjonali. Dawn l-iżviluppi għandhom jillimitaw kwalunkwe effett negattiv fuq medda twila ta’ żmien fuq il-fama ta’ Malta u fuq l-attrattività tagħha għall-investiment barrani.
Id-DBRS osservat li, fl-aħħar tliet snin, kien hemm tkabbir qawwi fil-qasam tax-xogħol. Innotat ukoll li l-miżuri ta’ sapport tal-Gvern kellhom rwol ewlieni biex l-ekonomija setgħet taffronta l-pandemija u tillimita l-effetti potenzjali li setgħu jgħarrquha. Barra minn hekk, semmiet li l-pakkett ta’ appoġġ li qed jagħti l-Gvern biex iżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli għen biex lill-attività ekonomika jilqgħalha kontra ż-żieda fil-prezzijiet globali tal-enerġija. Xorta waħda, l-inflazzjoni telgħet għal 6.1 fil-mija fl-2022 minħabba li l-prezzijiet tal-prodotti impurtati minn barra – partikularment l-ikel – għolew bil-qawwi.
Ir-rapport osserva li, minħabba t-tnaqqis tar-ritmu ekonomiku fl-Ewropa u l-effetti tal-inflazzjoni fuq il-poter tal-akkwist, it-tkabbir ekonomiku mistenni jonqos matul l-2023. Madankollu, Malta mistennija tiskansa r-riskji ta’ riċessjoni fuq medda qasira ta’ żmien li qed taffaċċja ż-Żona tal-Ewro. L-investiment pubbliku, megħjun mill-fondi Ewropej, huwa mistenni li jibqa’ jkun ta’ sostenn għall-prospetti ta’ tkabbir ekonomiku ta’ Malta.
Filwaqt li rrimarkat li l-finanzi pubbliċi ta’ Malta b’mod ġenerali huma b’saħħithom, id-DBRS Morningstar iddeskriviet il-pjan fiskali tal-Gvern bħala wieħed kredibbli meta wieħed iqis ir-rekord ta’ tnaqqis fiskali ta’ qabel il-pandemija.
L-aġenzija internazzjonali qalet li t-tmexxija ta’ Robert Abela bħala Prim Ministru ssaħħaħ l-aspettattiva tagħha għal kontinwazzjoni tal-istrateġija ġenerali tal-pajjiż u għal impenn politiku ma jaqta’ xejn biex, fis-snin li ġejjin, jibqgħu jitjiebu l-oqfsa istituzzjonali u tal-governanza.
Fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela għamel l-osservazzjoni li filwaqt li pajjiżi oħrajn qegħdin f’riskju ta’ reċessjoni minħabba prezzijiet għoljin tal-enerġija, il-politika tal-gvern Malti li jagħti sostenn ipproteġiet lill-azjendi u lill-familji minn dan ix-xokk. Huwa wiegħed li l-Gvern immexxi minnu se jibqa’ tabilħaqq jagħmel differenza fil-ħajja tan-nies.
Huwa qal ukoll li l-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, il-Ħadd filgħodu, se tkun okkażjoni oħra biex tiġi spjegata l-viżjoni tal-Gvern għal pajjiżna.