Id-DB Group laqa’ l-iskrutinju tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-proġett ta’ City Centre f’Pembroke.
“Ma hemm xejn minn xiex nibżgħu jew li naħbu”, sostna d-DB Group fi stqarrija mibgħuta b’reazzjoni għal tweġiba li tat il-Kummissarju Ewropew Margrethe Vestager.
L-istqarrija tad-DB Group tisħaq li t-trasferiment tal-art biex fost l-oħrajn titella’ binja ta’ tmienja u tletin sular u lukanda ta’ sbatax-il sular, sar b’mod trasparenti.
Id-DB Group jgħid ukoll li t-trasferiment tal-art sar skont il-valur tas-suq, xi ħaġa li anki l-Kummissarju Ewropew għamlet referenza għaliha fit-tweġiba tagħha u li din saret għal kuntrarju ta’ dak li kien jiġri qabel.Hawnhekk id-DB irreferew għal dak li qalu d-Deloitte taħt ġurament fejn sostnew li meta ġew biex jivvalutaw il-prezz tal-art tkellmu ma’ persuni oħra f’dan il-qasam ta’ żvilupp f’San Ġiljan u wara dan l-eżerċizzju ġie kkonfermat li valur tal-art huwa ta’ sittin miljun ewro.
Id-DB fakkar li se jkun qed jinvesti tlett mitt miljun ewro f’dan il-proġett u l-Gvern se jiġġenera dħul dirett ta’ kważi nofs biljun ewro fuq medda ta’ għaxar snin.
Intant il-Kummissarju Ewropew Margrethe Vestager kienet qed twieġeb mistoqsija ta’ Ska Keller, membru parlamentari Ewropew Ġermaniża għall-Partit tal-Ħodor.
Il-Kummissarju Ewropew sostniet li l-proċess kif sar ma ma jiddeterminax li nkissru liġijiet marbuta mal-finanzjament mill-istat.
Filfatt l-Unjoni Ewropea ħarset lejn artiklu numru mija u sebgħa dwar kif tiffunzjona l-Unjoni Ewropea u rat li m’għandhiex pożizzjoni dwar jekk il-konsorzju għal proġett f’Pembroke bbenefikax minn finanzjament tal-istat.
Il-proġett se jsir fuq l-art li kien jokkupa l-Istitut għall-Istudji Turistiċi u d-DB Group huwa marbut li joħloq elf u ħames mitt impjieg.
Fin-nuqqas ta’ dan, il-ftehim jorbot lid-DB Group biex iħallas multa.