Tard illejla l-grupp DB, li se jinvesti fuq is-sit tal-ITS ireaġixxa, għal diskors ta’ Simon Busuttil waqt maratona ġbira ta’ fondi iktar kmieni llum u żvela għall-ewwel darba li wara li Simon Busuttil sar Kap tal-Partit Nazzjonalista l-grupp kien qed iħallas is-salarji tas-Segretarju Ġenerali Rosette Thake u l-Kap Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, Brian St John.
Fi stqarrija, l-grupp ikkonferma li wara l-attakk fuqhom li sar dalgħodu kitbu lil Simon Busuttil u qallu li qed jitolbu laqgħa urġenti miegħu biex il-Partit Nazzjonalista irodd lura dak kollu li l-grupp ġie mitlub iħallas matul iż-żmien. Qalu li huma qatt ma talbu pjaċiri mill-Partit Nazzjonalista.
Anke jekk għamluha ċara li l-fondi dejjem intalbu mill-Partit Nazzjonalista u mhux bil-kontra.
Fi stqarrija kkonfermaw li huma komdi ħafna li l-Awditur Ġenerali jinvestiga l-kuntratt tal-ITS. Għaliex huma jridu li l-verita’ tohrog drebbieha. Tkellmu dwar kif din l-art, ghall-ewwel darba fl-istorja, kienet stama minn Deloitte, ditta internazzjonali ta’ awditjar u huma żammew ma’ dik id-deċiżjoni. “Ma jistax ikun hemm prova akbar li qatt ma ridna favuri u kull allegazzjoni ta’ korruzzjoni mill-Partit Nazzjonalista hija gidba li tweggaghna,” qal il-grupp li żvela kif sal bieraħ kien għadu qed jintalab donazzjonijiet mill-Partit Nazzjonalista.