Min jista’ jneħħi l-għamad li tefa’ lill-bniedem fid-dlamijiet?
X’ġiegħel lil Tamar, mara Samaritana, tħalli s-skiet tal-moħba tagħha u titlaq tħaffef lejn Ġerusalemm? X’se ssib? Ma’ min se tiltaqa’?
Xi ġralha Mirjam minn Magdala? X’rat? Għaliex mhijiex f’sikitha?
U min hu Valerius? Fejn jafha lil Tamar?
X’qegħda tipprova tagħmel Sara, mart Ħosegħa l-Fariżew? Għaliex tħossha ħatja?
X’qiegħed jippjana Ħosegħa flimkien ma’ sħabu? X’inhu l-iskop ta’ moħħu?
Dawn huma kollha mistoqsijiet li t-tweġibiet tagħhom jinsabu mistura fid-dramm Id-Dawl tad-Dinja. Din hi storja li tissawwar fi ġrajja ta’ x’ħassew, x’raw u x’għamlu personaġġi maħluqin kemm mill-fantasija kif ukoll imnebbħin mill-istorja, personaġġi li flimkien nisġu din l-istorja tal-passjoni.
Jakkumpanja lil Tamar hemm ħuha Ruben, li tilef id-dawl t’għajnejh f’inċident. Jaf fejn jinsab? Jaf li hu u oħtu forsi waslu tard wisq? Għaliex? U appuntu minn hawn nindunaw min hu verament ‘għama’. Il-qofol ta’ dan id-dramm hu l-għama, iżda b’mod partikulari l-għama spiritwali; dak li jidhirlu li jara iżda fil-fatt huwa għama.
Dan id-dramm għandu l-kitba ta’ JoAnne Debrincat u d-direzzjoni ta’ Shaun Formosa u se jkun qed jittella’ nhar it-Tnejn 25, it-Tlieta 26 u l-Erbgħa 27 ta’ Marzu, fit-8:15 ta’ filgħaxija, fit-Teatru taċ-Ċentru Parrokkjali San Sebastjan Ħal Qormi. Bi produzzjoni tad-Drama Group fi ħdan il-Parroċċa San Sebastjan Martri, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali Ħal Qormi.
Biljetti għal donazzjoni ta’ €6 fuq 79092963.
Ritratti: Matthew Cutajar (iCam) u Christian Saliba
Facebook: Drama Group San Sebastjan – Ħal Qormi