Hekk kif din is-sena mhux se ssir il-maratona annwali tal-volleyball, il-pubbliku xorta jista’ jgħin lid-Dar tal-Providenza f’maratona ġbir ta’ fondi bit-tema ‘Sabiħ li tagħti’. Din ser tkun qed issir b’numru ta’ inizjattivi mqassma fuq sitt xhur. Wieħed jista’ jagħti d-donazzjonijiet fuq sit uffiċjali li sar apposta għal din il-kampanja.
Jesmond Saliba, membru fil-bord tad-diretturi, stqarr li d-donazzjonijiet se jkunu wkoll turija ta’ apprezzament għax-xogħol kbir li għamel Fr. Martin Micallef li se jkollu jieqaf minn ħidmietu temporanjament sakemm jingħata l-kura għall-kanċer.
“Fr.Martin żera fina ħafna entużjażmu, żera ħafna tama, aħna satelliti tiegħu, b’xi mod irridu nilbsu żarbun wieħed kbir illi kien jilbes hu. Tilbes iż-żarbun li kien jilbes hu huwa diffiċli ħafna, pero nitolbu l-Alla li kif bgħatilna l-providenza, Fr.Martin anke f’dan il-mument, li għandu bżonn temporanjament jistrieħ biex ikun jista’ jieħu ħsieb il-kura, kanċer li jfieq, aħna nkunu nistgħu nagħmlu x-xogħol tagħna wkoll biex kif ikun lura, ikun lura isib ix-xogħol fejn ħallieh jekk mhux aħjar.”
Il-pandemija ġabet piż ikbar fuq id-Dar tal-Providenza li kellha tinvesti f’miżuri li tipproteġu l-ħaddiema u lill-klijenti.
Fost l-oħrajn investitet fi smartphones għad-djar u l-appartamenti tar-residenti biex dawn izommu kuntatt mal-qraba. Sar investiment ukoll f’sistemi teknoloġiċi biex ix-xogħol amministrattiv tad-dar ikun jista’ jsir b’mod remot.
Is-supretendent tas-saħħa pubblika, l-professur Charmaine Gauci li wkoll kienet preżenti għat-tnedija tal-maratona ġbir ta’ fondi, appellat lilna biex ngħinu kemm nistgħu lil din id-dar li għaddiet minn piz finanzjarji kbir fl-aħħar zmien.
“Matul il-pandemija għamlu li setgħu, swiethom ħafna flus biex ikunu jistgħu jipproteġuhom u r-riżultati ħarġu ċari, ma kellna l-ebda każijiet propju minn din id-dar, allura hemmhekk qiegħdin taraw li meta ssir ħidma, ssir bil-għaqal u ssir fuq evidenza, hemmhekk tara li int ikollok ir-residenti li huma protetti, ix-xogħol irid jibqa’ għaddej, il-protezzjoni trid tibqa’ għaddejja u din id-dar għandha bżonn ħafna flus. Jiena minn qalbi nappella lill-pubbliku biex ikun jista’ jgħin, inkunu nistgħu ngħinuhom jibqgħu għaddejjin bil-ħidma li huma għaddejjin.”