Id-Dar tal-Providenza mhux se taċċetta d-donazzjoni mingħand il-Grupp Catco u li ġiet ippreżentata mill-Eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia fil-maratona ġbir ta’ fondi fl-ewwel tas-sena.
Din id-donazzjoni kienet tammonta għal €500,000.
Fi stqarrija d-Dar tal-Providenza qalet li wara li ġie offruta din is-somma mingħand il-Grupp Catco, l-istess Dar qabdet kumpanija lokali stabbilità sabiex tagħmel eżerċizzju ta’ verifika.
Id-Dar tal-Providenza qalet li f’dan l-eżerċizzju rriżulta li ċ-Chairman tal-Grupp ma pprovdiex l-informazzjoni relevanti mitluba minnu bħala parti mill-proċess ta’ verifika.
B’hekk id-Dar tal-Providenza qalet li filwaqt li tapprezza dan il-ġest sabiħ mhux se tkun f’pożizzjoni li tirċievi din id-donazzjoni.
L-istqarrija qalet ukoll li s-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta kien infurmat b’dan l-iżvilupp.
B’hekk is-somma finali li nġabret għad-Dar tal-Providenza issa ġiet ridotta għal €2,031,540.
Din id-donazzjoni, li kienet preżentata minn Adrian Delia kienet sors ta’ ġlied ieħor għall-Partit Nazzjonalista fl-ewwel jiem tas-sena.
Il-Kap Nazzjonalista nnifsu Bernard Grech kien qal li dwar din id-donazzjoni huwa messu ġie avżat minn Delia.
Esponenti tal-establishment u tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil bħal Godfrey Leone Ganado u Wayne Hewitt ukoll infexxew jattakkaw lil Adrian Delia dwar din id-donazzjoni.
Fuq il-profil tiegħu fuq facebook, Leone Ganado staqsa jekk Delia għamilx il-verifiki meħtieġa.
Kien kiteb ukoll Wayne Hewitt hekk kif qal li ma jieħu xejn bi kbir li l-flus għal din id-donazzjoni kienu illegali.
Kien qal ukoll li Delia huwa investigat mill-FIAU fuq frodi u ħasil ta’ flus.
Min-naħa l-oħra dawk favur Delia kienu qalu li hu att tal-mistħija li donazzjoni għal għan nobbli ntużat biex jiġi attakkat politikament Adrian Delia.