Meta jitlesta x-xogħol fuq id-Dar tal-Anzjani l-ġdida f’Bormla se jkun fiha 110 sodod. Dan tħabbar mill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanita Attiva, Jo Etienne Abela, waqt li fil-Parlament wieġeb tliet mistoqsijiet li sarulu mid-Deputata Paula Mifsud Bonnici.
Il-Ministru Abela ħabbar ukoll li l-operatur għandu jlesti d-Dar tal-Anzjani f’Bormla f’178 ġimgħa minn meta jiġi ffirmat il-kuntratt, kif hemm indikat fit-tender pubbliku.
Intqal li l-għoli u l-volum tad-dar se jibqa’ l-istess bħalma hi l-binja attwali fiż-żona tax-Xgħira ta’ Bormla.
Ftit tal-ġimgħat ilu, il-Gvern, permezz tad-Dipartiment tal-Kuntratti, ippubblika s-sejħa għall-offerti biex isir ix-xogħol fuq din id-dar. Fi stqarrija, li kienet ħarġet dakinhar mill-Ministeru responsabbli, ingħad li l-għan tal-proġett hu li Bormla u l-Kottonera jkollhom dar tal-anzjani ġdida u tal-ogħla livell.
Ix-xogħol f’din id-dar se jsir wara li s-sena l-oħra ttieħdet id-deċiżjoni li l-anzjani, li kienu qed jgħixu fid-dar, jiġu rikolkati biex titħares saħħithom u s-sigurtà tagħhom, hekk kif rapport tal-esperti li kien ħareġ wera li r-residenza tinsab fi stat ta’ periklu, b’bosta nuqqasijiet li ma setgħux jiġu solvuti b’soluzzjonijiet kożmetiċi.