It-tkabbir ekonomiku f’Malta kien minn tal-anqas id-doppju ta’ dak fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li r-rata ta’ impjieg f’Malta hija kważi erba’ darbiet aktar minn dik fl-Unjoni Ewropea. Dan filwaqt li d-daqs ta’ Malta ma kienx rifless fl-ambizzjoni tal-pajjiż, u fis-suċċess ekonomiku.
Dan kien is-sentiment li bih il-Prim Ministru Joseph Muscatr indirizza konferenza organizzata mill-EY li fiha kien ippreżentat ir-rapport annwali tal-kumpanija. Dan fil-preżenza ta’ diversi investituri barranin.
Il-Prim Ministru Muscat spjega kif fl-ewwel kwart tal-ewwel leġislatura ta’ dan il-Gvern, ir-rata ta’ impjieg f’Malta kienet ta 61%, u issa hija ta’ kważi 71%, ogħla mir-rata medja fl-Unjoni Ewropea, li hija ta’ 69%.
Dr. Muscat fakkar ukoll kif dan il-Gvern sab lil Malta f’sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni Ewropea poġġietha taħt proċess ta’ defiċit eċċessiv. Wara leġislatura waħda biss, Malta rnexxielha teqred għal kollox id-dejn pubbliku li tħalla jakkumula minn Gvernijiet preċedenti.
Żied jingħad li l-familji Maltin għandhom mat-€12-il biljun investiti fil-banek lokali, żieda ta’ 56% meta mqabbel mal-ewwel ftit xhur tal-2013. Dan filwaqt li l-profit li qed jagħmlu l-kumpaniji Maltin jeċċedi il-€1.4 biljun kull kwart ta’ sena.
Dan kollu, jgħid il-Prim Minstru, huwa riżultat ta’ viżjoni ċara ta’ Gvern li ma beża’ qatt jieħu d-deċiżjonijiet. Dan minkejja li kien hemm iddubita l-fatt li t-tariffi tal-enerġija jistgħu jonqsu, li l-benefiċċji jistgħu jiżdiedu, u li Malta tista’ tkun l-aqwa fl-Ewropa u l-għira tad-dinja.
Minkejja dan, Gvern Laburista rnexxielu jnaqqas it-tariffi tal-enerġija b’20%, u naqqas it-taxxi f’kull wieħed mis-seba’ baġits li ppreżenta. Fl-aħħar baġit, li tħabbar jumejn ilu, żied għall-ewwel darba iċ-Children’s Allowance.
“Dan kollu huwa biss il-bidu”, żied jgħid il-Prim Ministru Muscat. “Dak li ksibna fl-aħħar ħames snin huwa biss iż-żernieq ta’ future mill-aqwa li aħna kapaċi nibnu għal dan il-pajjiż”.
Hawnhekk, il-Prim Ministru ta elenku ta’ dak kollu li pajjiża qed jagħmel fil-qasam tat-teknoloġija, fosthom il-ftuħ ta’ diversi kumpaniji tal-blockchain, wara li Malta kien l-ewwel pajjiż li rregola dan is-settur u qed joffri suq regoralizzat għall-investituri. “B’hekk, nafu li Malta qed tagħmel xogħolha kif suppost”, qal il-Prim Ministru.
Il-pass li jmiss, skont il-Prim Ministru, huwa li Malta żżomm ir-raputazzjoni tagħha bħala post ideali biex kumpaniji li jispeċċjalizzaw fl-Intelliġenza Artifiċjali jiżviluppaw l-ideat tagħhom.
Qal ukoll, li Malta qed tiddiskuti ma’ mexxejja oħra minn madwar id-dinja biex tkun l-ewwel fid-dinja li jkollha framework regolatorju dwar l-Intelliġenza Artifiċjali.