Bl-istaġun sajfi fuq l-għatba, bosta pajjiżi qed ipoġġu lil Malta fuq il-lista sigura għall-ivvjaġġar, wara li jinnutaw ir-rata baxxa ta’ infezzjonijiet kif ukoll il-programm ta’ tilqim, li huwa fost l-aqwa fid-dinja.
L-awtoritajiet Daniżi ħabbru li Malta hija l-ewwel pajjiż li tpoġġa fuq il-lista s-safra.
Dan se jfisser li t-turisti Daniżi jistgħu jżuru pajjiżna mingħajr ma jkollhom bżonn jagħmlu kwarantina wara li jirritornaw f’pajjiżhom.
Din l-aħbar ġiet fl-istess jum, li Malta tpoġġiet fuq il-lista sigura tal-Olanda, fejn hawnhekk ukoll se jfisser li t-turisti Olandiżi li jiġu Malta m’għandhomx għalfejn jagħmlu kwarantina meta jmorru lura l-Olanda.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Johann Buttigieg, laqa’ dawn l-aħbarijiet pożittivi fid-dawl li s-suq Skandinavu u dak Olandiż huma kruċjali għal pajjiżna.
Qal, “Jidher li Lulju u Awwissu se jkunu xahrejn tajbin. Għandna ovvjament numru ta’ pajjiżi li bil-mod il-mod qed jiftħu lejn Malta, kif rajna dil-ġimgħa stess, l-Olanda u d-Danimarka, u qegħdin nistennew ukoll numru ta’ pajjiżi ġodda li jiftħuna, anki dawk li qegħdin barra mill-Unjoni Ewropea.”
L-Awtorità Maltija għaddejja b’reklamar kontinwu u taħdidiet bilaterali biex twitti t-triq u tiffaċċilita t-turiżmu.
Fl-istess waqt, iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar jitlaqqmu nies u iktar persuni jippjanaw il-btajjel tagħhom b’rashom mistrieħa.
Spjega, “Ma ninsewx li n-nies l-iktar ħaġa li jridu huwa s-serħan il-moħħ. Serħan il-moħħ li isma’, meta hu ħa jmur ġo pajjiż, ħa jkun ġo pajjiż sigur, ħa jkun ġo pajjiż li ħa jmur u ħa jieħu pjaċir u fl-istess ħin huwa f’pajjiż li meta ħa jerġa’ jmur ġo pajjiżu, mhux se jkollu bżonn implimentazzjoni ta’ kwarantina jew ta’ xi miżuri oħra.”