Id-Danimarka qed tisħaq li s-27 immigrant li ġew salvati minn tanker li jtajjar il-bandiera Daniża għandhom jiddaħħlu t-Tuneżija.
Dawn l-immigranti kienu fiż-żona ta’ salvataġġ u tiftix tat-Tuneżija.
Il-Ministru għall-Immigrazzjoni Daniż Kaare Dvbvad Bek saħaq li l-Gvern Daniż lest joffri għajnuna lill-Gvern Tuneżin. Huwa sostna li pajjiżu jinsab għaddej bi djalogu bil-għan li tinstab soluzzjoni sabiex dawn is-27 immigrant jitniżżlu f’port sigur.
B’rabta ma’ din il-kwistjoni, il-Ħadd li għadda l-Prim Ministru Robert Abela aċċenna li l-immigranti abbord it-tanker Daniż m’għandhomx dritt jidħlu f’pajjiżna. Huwa fakkar li l-bastiment Etienne Maersk itajjar bandiera Daniża u l-immigranti ma ġewx salvati fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ ta’ Malta.