Kien proprju bħal-lum sena, meta madwar Malta u Għawdex dwiet l-aħbar li Geordie Muscat, tilef il-battalja mal-mard u ħalla din id-dinja f’età żagħżugħa ta’ sebgħa u għoxrin sena.
Geordie kien suldat tal-Forzi Armati ta’ Malta, deskritt mill-ħafna li kienu jafuh, bħala żagħżugħ mimli enerġija u praspar.
Sena wara dan l-episodju ta’ qsim il-qalb, il-memorja tiegħu għadha ferm ħajja fost l-għeżież tiegħu.
Proprju f’dan il-jum, ONE News tkellem ma’ Jessica Rae, il-maħbuba ta’ Geordie, li qasmet magħna l-weġgħa li ħasset meta rat persuna mimlija ħajja, f’qiegħ ta’ sodda dipendenti fuq ħaddieħor. Sodda li fuqha wkoll ħa l-aħħar nifsijiet ta’ ħajtu.
“Geordie kien persuna li kien enerġetiku, ma kienx jagħmel minuta fis-sodda, ma kienx jagħmel minuta rieqed, jiġifieri dejjem kien jara kif se jagħmel u joħroġ mid-dar. Li tispiċċa tara lil xi ħadd f’qiegħ ta’ sodda li ma jista’ jagħmel xejn u jiddependi minn ħaddieħor, ma kinitx xi ħaġa sabiħa, kemm għalija u lanqas għalih. Ippruvajna minn kollox, iżda r-realtà hija kif inhi.”
Jessica Rae
Jessica qaltilna kif ta’ kuljum tħares lejn ritratt ta’ Geordie, bi tbissima li tixgħel wiċċu u b’għajnejn li jridu jkellmuk .
“Għandi ritratt id-dar, qiegħed eżatt kif tinżel it-taraġ tad-dar, u l-mod ta’ kif qed iħares għandu ċertu approach ir-ritratt. Għandu d-daħka li tgħid ara jinsab f’post aħjar, iżda fl-istess ħin il-ħarsa tiegħu tgħidlek nixtieq li qiegħed hemm, imma minix hemm. Qisni ħadtha drawwa li x’ħin ninżel inħares lejh negħmiżlu, iċċajtajna ftit bqajt miexja u din tagħmilni ferħana, il-ġurnata tiegħi tibda.”
Jessica Rae
Il-fatt li l-preżenza ta’ Geordie għadha tinħass, tagħti sens ta’ serħan lil Jessica, lil familtu u lil sħabu.
“Il-fatt li jiena nżommu ħaj, jien għalija dik ittini ċertu mistrieħ. Naf li qiegħed komdu issa m’għadux ibati. Qisek xi kultant tgħid nerġgħu niltaqgħu u min jaf x’ħa jgħidli, u min jaf kemm se jgħidli messek għamilt hekk għax dik nistenniha minnu, allura qisu hemm xi ħaġa li hemm ċertu tama li isma’ ok, bħalissa mhux qiegħed hawn, imma l-preżenza tiegħu tħossha bla ma trid.”
Jessica Rae
Il-messaġġ skjett mingħand tfajla li diġà ġarrbet sew l-imrar tal-ħajja, huwa dak li wieħed japprezza lil dawk ta’ madwaru kuljum, għaliex ma tafx meta dawk l-aktar li tħobb, jitilqu u ma tarahomx aktar.
“Apprezzaw in-nies li hawn madwarek tieħu lil ħadd forgranted, għax qatt ma taf meta l-għeżież tiegħek se jitilqu. Tapprezza l-mument li kellek miegħu u għalkemm mhux qiegħed hawn kun grata li ltqajt miegħu. Jien personalment ma nbiddilx it-tliet snin li qattajt ma’ Geordie għax għallimni ħafna u tkun grata. Importanti li żżommu dejjem ħaj u tiftakar fih fl-affarijiet li tagħmel.
Jessica Rae
Sabiex titfakkar il-memorja ta’ Geordie, il-Ġimgħa tnax ta’ Awwissu, se jittella’ kunċert b’xejn fil-Pjazza tax-Xagħra Għawdex mid-disgħa ta’ filgħaxija ’l quddiem.
F’din l-attività, wieħed se jiltaqa’ mal-inizjattiva tal-‘Karus l-Aħmar’, karus li kien iżomm Geordie u li ta’ kuljum kien jitfa’ l-muniti li kien jibqalu’ ġo fih. Flus li eventwalment kien jużahom għal xi ħaġa sentimentali għalih.
Illum fil-karus l-aħmar se jintefgħu flus li kollha se jmorru għal Puttinu Cares.
Il-kunċert bl-isem ta’ Sempre Vivo, Dejjem Ħaj, verament se jfakkar lil żagħżugħ li kien jaf iħobb, jiċċajta u jgħin.
Geordie telaq iżda jibqa’ dejjem ħaj.