Disa’ suldati mill-Forzi Armati ta’ Malta, li qed jieħdu sehem f’missjoni ta’ paċi fil-Libanu, jinsabu qawwijin u sħaħ.
Dan intqal mill-Ministru responsabbli mill-Intern, Byron Camilleri, permezz ta’ post fuq Facebook, fejn tenna kif bħalma dejjem ġara, dawn is-suldati se jingħatalhom l-appoġġ kollu meħtieġ.
Min-naħa tagħha, il-Forzi Armati ta’ Malta qalet li qed isegwu mill-qrib is-sitwazzjoni fil-pajjiż, fejn fl-aħħar jiem eskala l-konflitt ma’ Iżrael, u qed jikkollaboraw b’mod dirett mal-forzi militari Irlandiżi, li jinsabu wkoll preżenti.
Ir-rwol tas-suldati Maltin jibqa’ fundamentalment relatat ma’ operazzjonijiet ta’ żamma tal-paċi u mhux ma’ xi ġlied jew jinsabu f’xi kamp ta’ battalja.
It-tensjoni ġdida fil-Lvant Nofsani bejn il-Hezbollah u l-qawwiet Iżraeljani żdiedet wara numru ta’ splużjonijiet ta’ apparat tal-komunikazzjoni, inkluż pagers u walkie talkies.