Żagħżugħ ta’ 29 sena jinsab fil-periklu tal-mewt u raġel ieħor ta’ 30 sena minn Ħal Qormi ndarab gravi wara li chute, tubu li kien qed jintuża biex minnu jintrema l-iskart tal-binja li fiha kienu qed jaħdmu, waqa’ għal fuqhom flimkien ma’ xi ġebel mill-gallarija ta’ residenza f’Ħaż-Żebbuġ.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-11:45 ta’ dalgħodu fi Triq Andrea Bogdan meta t-tlett irġiel – żewġ ġuvintur ta’ 22 sena u 29 sena u raġel ta’ 30 sena kollha minn Ħal Qormi, kienu taħt il-gallarija tar-residenza li fiha kien qed isir xi xogħol meta għal xi raġuni t-tubu, li kien qed jintuża biex jintrema xi skart fl-iskip li kien mat-triq, nqata’ minn mal-opramorta tal-gallarija. Ġara li taħt il-gallarija eżatt kien hemm it-tlett irġiel bil-konsegwenza li kemm it-tubu kif ukoll xi ġebel mill-gallarija waqgħu għal fuqhom.
Fuq il-post issejħet l-għajnuna tal-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll ambulanza sabiex jassistu lil dawk li kienu fuq il-post biż-żagħżugħ u r-raġel ittieħdu l-isptar Mater Dei biex jingħataw il-kura kollha meħtieġa.
Iż-żagħżugħ ta’ 29 sena jinsab fil-periklu tal-mewt filwaqt li l-kundizzjoni tar-raġel ta’ 30 sena hi waħda gravi.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr. F Depasquale LL.D li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.