Ħadd ma’ weġġa’ f’dik li setgħet tkun diżgrazzja.
Dan hekk kif il-parti ta’ wara ta’ stabiliment kbir tat-twapet fl-Imrieħel ġġarfet flimkien ma’ maħżen ta’ kumpanija u li jinsab taħt il-ħanut. Fil-ħanut u anke l-maħżen jaħdmu numru ta’ persuni u jidher li wħud minnhom kienu fil-binja fil-ħin tal-inċident.
Filfatt ONE News hu nfurmat li waqt ħin l-inċident il-ħanut tat-twapet kien miftuħ għall-pubbliku u li fih kien hemm in-nies, iżda fortunatament ħadd ma’ kien fil-parti ta’ wara tal-ħanut u anqas fil-maħżen.
Fost il-persuni fil-ħanut kien hemm is-sid flimkien ma’ klijenta li ħarġu jiġru ‘l barra malli innutaw xi konsenturi mal-ħajt.Persuni li kienu fl-inħawi dak il-ħin tal-inċident u li tkellmu ma’ ONE News qalu kif semgħu ħoss kbir bħal wieħed qed ikaxkar ammont kbir ta’ ħadid fuq it-triq; flimkien ma theżżiża.
Imbagħad raw ammont kbir ta’ ġebel nieżel fuq art li fuqha qed issiru xi xogħolijiet ta’ kostruzzjoni.
Jidher li fl-aħħar jiem kien qed issir tħaffir fit-tafal sabiex jitniżżlu kolonni tal-konkos l-isfel mill-livell tal-art sabiex il-bini li għad irrid jitla’ jkun jista’ jinbena fuq dawn il-kolonni sabiex eventwalment ikollu pedamenti b’saħħithom. Dan fid-dawl ż-żona hi waħda taflija ħafna.
L-Uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili neħħew il-periklu kollu u aċċertaw li ma hemmx persuni taħt it-tiġrif. Fuq il-post isejjħet ukoll l-ambulanza madankollu fortunatament ma kienx hemm bżonnha.
Sa ftit siegħat wara li ġara l-każ ħaddiema tal-kostruzzjoni kienu diġa bdew ineħħu t-tiġrif permezz ta’ gaffa filwaqt li l-Pulizija għalqu ż-żona tal-madwar għal raġunijiet ta’ sigurta’.
Wieħed mis-sidien tal-ħanut deher imbikkem isegwi din l-operazzjoni flimkien ma’ xi persuni oħra li dehru xxukjati b’dak li ġara.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ qed jitmexxew mill-Pulizija tat-tieni distrett.