Infetaħ l-ewwel call centre fil-qasam tas-saħħa f’pajjiżna. Bin-numru 21231231 persuna tista’ tagħmel, tivverifika jew tibdel l-appuntamenti għal kull ċentru tas-saħħa f’pajjiżna.
Il-ħaddiema tal-call centre huma mħarrġa wkoll biex jiggwidaw lill-individwi li jkollhom xi problemi marbuta mas-servizzi offruti.
Il-pjan hu li l-ebda persuna ma titħalla tistenna fuq il-linja iktar minn ħames minuti biex jirrispondi xi ħadd. S’issa din il-mira intlaħqet- hu stmat li n-nies qed idumu medja ta’ tleit minuti jistennew.
Fl-aħħar għaxart ijiem, kemm ilu mwaqqaf dan il-call centre, kien stmat li daħlu madwar 1,500 telefonata kuljum.
Il-call centre se jkun miftuħ kuljum mis-7:00 ta’ filgħodu sal-17:00 ta’ wara nofsinhar, wara jinqeleb direttament fuq iċ-ċentru tas-saħħa minn fejn hu mitlub is-servizz.
Fit-tnedija uffiċjali ta’ dan is-servizz il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-call centre għaċ-ċentri tas-saħħa huwa l-ewwel pass u li jixtieq jespandi dan is-servizz tal-isptar ukoll.