Il-President ta’ Malta, George Vella, qal li l-Kamra tal-Kummerċ kellha rwol importanti fl-iżvilupp tal-pajjiż fi żminijiet differenti.
Waqt it-tnedija taċ-ċelebrazzjonijiet tal-175 anniversarju mit-twaqqif tal-Kamra tal-Kummerċ, il-President Vella qal li, bl-istudji dettaljati, il-konsultazzjonijiet, u l-istqarrijiet b’saħħithom tagħha, il-Kamra tal-Kummerċ qisha mera li tirrifletti l-iżviluppi li jkunu qed iseħħu fis-soċjetà Maltija.
Huwa esprima l-apprezzament tiegħu għall-ħidma li l-Kamra qed twettaq biex pajjiżna mhux biss biex isaħħaħ l-ekonomija u l-kummerċ iżda wkoll biex tgħin fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja.
Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ, Marthese Portelli, qalet li l-Kamra kienet u se tibqa’ tagħti l-kontribut kemm fi żminijiet faċli kif ukoll f’dawk diffiċli.
Marthese Portelli qalet li tinsab ħerqana biex ir-riżultati pożittivi li nkisbu s’issa jinżammu u jiżdiedu.
Tkellmet ukoll il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, Marisa Xuereb, li rreferiet għal dak li sar matul dawn l-aħħar 175 sena tal-Kamra tal-Kummerċ.
Qalet li llum il-Kamra tal-Kummerċ għandha 14-il grupp tematiku sabiex, u bħala r-rappreżentanta tal-komunità kummerċjali, twassal ’il quddiem ideat fl-aħjar interess ta’ pajjiżna.