Bħal kull sena, il-Kunsill Lokali tal-Floriana qiegħed jorganizza l-attività annwali ‘Ġenna ta’ Ġonna’, fejn waqt din l-attività, numru t’għaqdiet li jagħtu sehem dirett b’mod kontinwu fil-Furjana, jieħdu sehem b’xi attività biex iżewqu din il-ġurnata bl-aħjar mod.
Naraw kif il-Kappella San Publju Martri, bħal snin preċedenti, se tieħu sehem, bil-kuraturi ta’ din il-kappella għandhom imħejji progamm speċjali, mhux biss għall-okkażjoni ta’ Ġenna ta’ Ġonna, iżda wkoll għaċ-ċelebrazzjoni tal-għeluq l-għoxrin sena mill-ftuħ tal-Kappella, fejn tinsab fi Triq l-Isqof Mauro Caruana fil-Furjana.
Nhar l-20 ta’ Ottubru 2024, fl-20 sena Anniversarju, il-Kappella se tkun miftuħa mill-11:00am sal-4:00pm, fejn anke din id-darba se jinfetħu wkoll żewġ estensjonijiet tal-istess kappella mimlija oġġetti sagri u li għandhom x’jaqsmu mal-istorja Furjaniża, speċjalment għall-fatt li l-Furjana qiegħda wkoll tikkommemora t-tielet ċentinarju mit-twaqqif tagħha.
Il-qofol ta’ din l-attività se jintlaħaq permezz tad-dimostrazzjoni bil-vara tal-Kappella maħduma mill-iskultur Publio Aguis. Din hija replika perfetta tal-vara titulari ta’ San Publju skolpita fl-injam mill-iskultur Vincenzo Dimech fl-1811. Għal dan, fil-11:00am jibda’ marċ esegwit mis-Società Filarmonika Vilhena. Għall-ħabta tal-11:15, fejn il-banda tilqa’ l-istatwa fil-bieb tal-Kappella.