Il-Lottu qed jiċċelebra l-mitt anniversarju tiegħu minn meta ntlagħab għall-ewwel darba, fl-għaxra ta’ Frar tal-elf disgħa mija tlieta u għoxrin.
F’din l-okkażjoni speċjali, il-kumpanija National Lottery nediet sena ta’ avvenimenti differenti, bl-ewwel waħda tkun it-tnedija ta’ sett bolol kommemorattivi li juru l-evoluzzjoni tal-logo tal-Lotterija Nazzjonali matul is-snin.
Waqt konferenza tal-aħbarjiet fejn tnedew dawn il-bolol, ingħatat ħarsa lejn dak li kien qed jiġri f’pajjiżna waqt l-ewwel tlugħ tal-lottu. Dak iż-żmien, il-popolazzjoni Maltija kienet biss ta’ mitejn elf ruħ.
Hawn ġie spjegat kif dak iż-żmien, l-ewwel lottu ġie mtella’ fuq il-Fosos tal-Furjana, fi żmien meta l-lingwa Maltija lanqas kienet rikonoxxuta uffiċjalment mill-istituzzjonijiet ta’ dik il-ġurnata.
Il-Kap Kummerċjali ta’ National Lottery, Franco De Gabriele, spjega ma’ dan l-istazzjon kif din il-logħba daħlet f’pajjiżna seklu ilu.
Huwa spjega, “Il-bidu tal-lottu, attwalment, imur lura għal ftit qabel l-elf disa’ mija tlieta u għoxrin ,għax il-Maltin kienu jilgħabu l-lottu barra minn Malta. Il-gvern ta’ dak iż-żmien, li kien il-gvern Ingliż, kien iddeċieda li jirregola l-logħba u jagħmel il-logħba Maltija biex il-fondi li jintlagħbu mil-logħba tal-lottu jibqgħu Malta għal kawżi ġusti.”
Huwa stqarr li l-kumpanija trid tgħożż it-tradizzjoni u l-istorja ta’ din il-logħba, filwaqt li jiġi assigurat li din tibqa’ waħda sostenibbli.
Fost it-tradizzjonijiet marbuta ma’ din il-logħba, il-Maltin huma magħrufin li jilgħabu numri b’sinifikat speċjali, speċjalment dati ta’ twelid, tal-imwiet, jew tal-anniversarji.
Franco De Gabriele spjega li t-tama hija waħda mir-raġunijiet għall-popolarità ta’ din il-logħba f’pajjiżna: bosta huma dawk li joħolmu bl-affarjiet li jagħmlu kieku jirbħu somma kbira.
Fil-fatt, din il-logħba dejjem baqgħet għaddejja, ħlief fil-pandemija. Minkejja l-istorja twila ta’ din il-logħba, Franco De Gabriele stqarr li qed issir ħidma biex il-logħba tibqa’ waħda ħajja u sostenibbli.
Tenna, “Aħna dejjem ridna li nkomplu nkattru d-domanda għal din il-logħba għax nemmnu li hija logħba tradizzjoni Maltija. Baqgħet tikber fil-popolarità tagħha. Aħna komplejna nippruvaw nirranġaw anke l-prodott innifsu u għamilna numru ta’ affarijiet minn meta ħadna f’idejna l-operat tal-Lotterija Nazzjonali fil-5 ta’ Lulju.”
Il-bolol se jkunu jistgħu jinxtraw mill-ħwienet tal-Lotterija Nazzjonali