Il-fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl iċċelebrat it-30 sena mit-twaqqif tagħha b’ħidma fir-riforma tal-priġunieri u l-familji tagħhom, permezz ta’ bosta żjarat u servizzi permezz ta’ numru ta’ programmi speċjalizzati.
Matul konferenza tal-aħbarijiet l-Erbgħa filgħodu, iċ-Chairperson tal-fondazzjoni, George Busuttil irrimarka kif, 30 sena ilu, il-kundizzjonijiet tal-ħabs kienu ħżiena ferm u, għaldaqstant, inħolqot Mid-Dlam għad-Dawl biex titjieb ħajjet il-priġunieri u qrabathom.
Hu żied jgħid li dan kollu ma setax ikun possibbli mingħajr l-għajnuna ta’ Patri Mark Montebello, li intervjena b’mod virtwali mill-Perù fejn jinsab, u elenka kif il-fondazzjoni ħaqqha tikber iżjed biex tolqot aktar nies.
Il-Kap tal-Operat ta’ Mid-Dlam għad-Dawl, Charlene Calleja, spjegat li s-servizzi tagħhom jinkludu programmi residenzjali, fosthom is-servizzi ta’ ‘Dar Bla Ħitan’, ‘L-Ewwel Kenn’ u ‘Ġieħ u Tama’, favur il-familji tal-ħabsin. Statistika uffiċjali wriet li aktar minn 2,600 individwu rrikorrew għal servizzi ta’ terapija fl-aħħar tliet snin.
Aktar minn hekk, servizzi oħrajn b’rabta ma’ dan jinkludu s-servizz ‘Jien u Int’, li fl-2024 kien strumentali permezz tal-260 sessjoni ta’ visti tal-familji.
Ġie spjegat li hemm ukoll servizzi komunitarji u ta’ aftercare u, matul is-sena li għaddiet, kien hemm ’il fuq minn 150 żjara fid-drop-in centers għall-after care, flimkien ma’ 200 rikjesta oħra għall-assistenza.
Calleja evokat li l-futur jidher sabiħ għal din il-fondazzjoni.
“Bla dubju żgur li nibqgħu naġġornaw ma’ dak li r-riċerka turi li jaħdem, allura nibqgħu wkoll insaħħu s-servizzi eżistenti li għandna bħalissa, però kif għedt anke aktar qabel, miftuħa għall-kunċetti ġodda ta’ ideat ġodda, ta’ xogħol li jista’ jsir f’dan il-qasam biex dejjem nibqgħu nkunu ta’ sostenn għal dawn il-persuni li aktar jeħtieġu l-għajnuna tagħna.”
Charlene Calleja, Kap tak-Operat, Mid-Dlam Għad-Dawl
F’interventi li għamlu, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, u x-Xogħol, Byron Camilleri, esprimew is-sodisfazzjon tagħhom lejn din il-fondazzjoni u rringrazzjawha għax-xogħol siewi li qed tagħmel.
Il-Ministru Falzon fakkar kif, bħala soċjetà, għandna nagħtu opportunità lil kulħadd f’kull qasam soċjali.
“Okkażjoni, bħal tal-lum, jekk ma tfakkar xejn, tfakkar kemm hu importanti li nkunu soċjetà li ma niġġudikawx u kemm inkunu soċjetà li lesti nagħtu t-tieni ċans u, fuq kollox, inkunu soċjetà inklussiva li nsibu post għal kulħadd u, flimkien, ma’ għaqdiet bħal Mid-Dlam għad-Dawl, dik hi xi ħaġa li verament nemmnu fiha u li verament irridu nwettqu.”
Il-Ministru Michael Falzon
Il-Ministru Camilleri elenka kif il-bosta xogħol governattiv li qed isir fil-konfront tal-priġunieri u l-familji tagħhom qed ikun ta’ għajnuna kbira.
“Dan għamilnieh sew jekk hux b’half-way house fil-Birgu, sew jekk hux f’dan il-post fil-Marsa fejn il-persuni li qed jiskontaw sentenza ta’ ħabs jiltaqgħu mat-tfal tagħhom u sew jekk hux programmi ta’ rijabilitazzjoni oħra. U verament naħdmu biex dawn il-persuni, wara li jkunu ħallsu għall-iżball tagħhom, ikunu persuni aħjar.”
Il-Ministru Byron Camulleri