Nhar is-Sibt, ġiet iċċelebrata l-festa ta’ San Pawl Nawfragu fil-Belt Valletta, wara li kellha tiġi posposta minħabba ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival, li saru fil-kapitali wkoll.
Iċ-ċelebrazzjonijiet għal din il-festa nazzjonali bdew filgħodu b’Quddiesa pontifikali, iċċelebrata mill-Arċisqof Charles Scicluna, li waqt l-omelija rrefera għall-ħames doni li jsemmi l-poeta nazzjonali, Dun Karm Psaila, fl-Innu Malti, u li huma wkoll ħames doni li San Pawl għallem lill-poplu Malti dwarhom.
Preżenti għal din iċ-ċelebrazzjoni, kien hemm l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom il-President George Vella, u l-Prim Ministru Robert Abela.
Aktar tard, crew minn dan l-istazzjon, niżel ukoll fil-marċ tradizzjonali tas-siegħa, imtella’ mill-Għaqda tal-Pawlini, bis-sehem ukoll tal-Banda tas-Società Filarmonica Nazionale La Valette, biex jiġbor is-sentiment ta’ dawk preżenti, fosthom is-surmast tal-istess banda, La Vallette, Dominic Darmanin.
Il-qofol tal-festa ntlaħaq bil-purċissjoni wara l-ħruġ tal-vara ta’ San Pawl u relikwa tad-Driegħ Mirakoluż, qalb it-toroq tal-Belt Kapitali.