Wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-pandemija, irritornat il-festa tant mistennija ta’ San Ġużepp fir-Rabat. Tul il-jum tal-Ħadd, ir-Rabtin iċċelebraw din il-festa għat-tieni darba fl-elfejn tnejn u għoxrin, hekk kif fid-dsatax ta’ Marzu li għadda, din ġiet iċċelebrata b’mod intern.
Il-Ħadd filgħodu ONE News żar ir-Rabat, fejn wieħed seta’ jara l-entużjażmu għall-fatt li din il-festa qed issir b’mod aktar viċin tan-normalità.
Dawk li tkellmu ma’ dan l-istazzjon stqarru kif wara nuqqas kbir, huma kienu ferm entużjasti għal dan ir-ritorn.
“Ilna nistennewha, nieħdu gost dejjem, għalkemm mhux fil-ġurnata tagħha llum, xorta nieħdu gost. Parti mir-raħal żgħir aħna minn tar-Rabat, imma nagħmlu festa sabiħa.
Dis-sena gawdejniha kemm stajna, għamilna sentejn immissjajniha ħafna.”
Hawn spikkaw il-karatteristiċi uniċi ta’ din il-festa, fejn id-delettanti stqarru magħna kif huma jsegwu mill-viċin din il-festa u kull attività tagħha.
“Aħna nattendu kollox, bil-Knisja u barra. Issa qed tarana hekk, issa mmur id-dar, inbiddel ta’ sportiva, tarawni nitfa l-karti u l-bżieżaq mill-gallarija, wara noħorġu ngawdu l-marċ, u nerġgħu nidħlu nbiddlu u ngawdu l-festa. Aħna ‘all-rounder’ il-festa tagħna.”
Fit-toroq tar-Rabat u anke fil-Knejjes wieħed seta’ jinnota sens ta’ għaqda u sodisfazzjon, hekk kif it-tradizzjonijiet Maltin u l-ħajja ta’ kuljum, mixjin lura lejn it-triq tan-normalità.
“Kienet deċiżjoni tajba u għaqlija li erġajna għamilniha għaliex jekk xejn, il-komunità reġgħet ingħaqdet għax kulħadd qisu kien bired, u għandna riżultat għax kellna ġimgħa sabiħa. Nittamaw li jkompli jagħtiha lilna biex ingawduha sal-aħħar, imma kienet deċiżjoni tajba li la darba l-miżuri spiċċaw, issir festa kif għandha ssir, kif jafu jagħmlu l-Maltin u wisq iktar ir-Rabtin”