Id-19 ta’ Marzu tfisser iċ-ċelebrazzjoni ta’ festa b’għeruq antiki, il-festa ta’ San Ġużepp, iċċelebrata mill-komunità Ġużeppina fir-Rabat.
Fil-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù tar-Rabat, li kienet armata għall-festa, saret il-quddiesa pontifikali f’ġieħ is-Solennità ta’ San Ġużepp.
Fid-dawl tal-protokolli tas-saħħa li jibqgħu fis-seħħ sal-aħħar ġimgħa ta’ Marzu, sar qbil li fil-jum tal-jum jiġu ċċelebrati biss il-festi interni, filwaqt li bejn l-1 u t-8 ta’ Mejju li ġej, issir festa kompluta bis-sehem tal-baned, nar u dak kollu li jagħmel il-festa Maltija.
Kollox ingħata bidu permezz tal-pontifikal li mexxa l-Kapitlu tal-Katidral tal-Imdina.
Fil-paniġierku tiegħu, il-patri Dun Franco Fenech tkellem fuq l-imħabba li għandu l-Papa Franġisku lejn San Ġużepp fejn diversi drabi iddeskrivih bħala missier maħbub u ubbidjenti li ħadem fis-skiet.
Dun Franco Fenech tkellem ukoll kif San Ġużepp huwa meqjum ukoll bħala mudell ta’ kontemplazzjoni, għax f’ħajtu kellu x-xorti li jgħix f’familjarità umana u spiritwali ma’ Ġesù u Marija.
Fil-paniġierku tiegħu, il-Patri Franco Fenech qal li Knisja tiċċelebra lil dan il-qaddis għal fatt li fl-istess hin tkun qed tiċċelebra lil Alla fil-ħajja ta’ San Ġużepp.
Huwa għalaq il-messaġġ tiegħu b’talba lil San Ġużepp sabiex fil-ħajja tagħna nkunu nixbħu lilu.
Għall-pontifikal attendew l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż fosthom il-President ta’ Malta Dr George Vella, il-Prim Ministru Dr Robert Abela, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, fost bosta membri parlamentari oħra.