Liebes il-libsa ta’ festa, ir-Rabat ta’ Malta laqa’ mijiet ta’ nies għall-Festa ta’ San Ġużepp.
Din hija l-ewwel darba wara tliet snin li l-festa Ġużeppina ġiet iċċelebrata b’mod normali fil-jum liturġiku tagħha, hekk kif Marzu tal-aħħar tliet snin kien iddominat minn restrizzjonijiet tal-pandemija.
Minn kmieni filgħodu, f’temp li ppermetta, kienu bosta li daħlu r-Rabat biex jitpaxxew bl-armar mill-isbaħ tul it-triq prinċipali.
Kif jgħid il-Malti, l-għajta nofs il-bejgħ u ddomina wkoll l-għajjat tal-bejjiegħa tal-qubbajd u tal-pastizzi. Oħrajn daħlu apposta biex iduqu l-famużi żeppoli, sinonimi ma’ din il-festa.
Il-Knisja kienet ippakkjata għall-qudddiesa solenni ta’ jum il-festa mmexxija mill-Kapitlu Metropolitan, bil-paniġierku minsuġ minn Monsunjur Carmelo Mercieca.
Wara, it-toroq inbidlu fi briju mal-marċ tradizzjonali u popolari tas-siegħa mmexxi mill-Banda Dekana u Ċittadina L’Isle Adam.
One News tkellem mal-gwardjan tal-Patrijiet Franġiskani tal-Knisja ta’ San Ġużepp, Patri Martin Coleiro li qal kif wara festa ta’ suċċess hemm ħafna xogħol u għaqda bejn l-għaqdiet kollha Ġużeppini.
SOT 1
MARTIN COLEIRO
GWARDJAN TAL-PATRIJIET
“Illum inzertat anke l-Ħadd u taffetwa ħafna għax illum San Ġużepp ġibed ħafna nies. Ippreparajna għaliha sena sħiħa, ċertu laqgħat mal-każin, mal-kamra tan-nar, l-Arċikonfraternità, aħna l-patrijiet, inpoġġu fuq mejda waħda u flimkien niddeċidu li dak li se nagħmlu, nagħmluh għall-ġid tal-komunità tagħna.”
L-Għaqda tan-Nar 19 ta’ Marzu Rabat, ukoll kienet bieżla f’dan il-jum, fejn paxxiet lil bosta bin-nar tal-ajru u tal-art.
Il-Patri qal kif il-qofol jintlaħaq bil-Purċissjoni solenni bl-istatwa devota u artistika ta’ San Ġuzepp.
SOT 2
“Ir-rieda li nagħmlu festa llum qed naħsdu l-frott għax kellna ġimgħa sabiħa attendenza sabiħa s’sissa l-affarijiet imexew tajjeb, it-temp ippermetta u l-qofol ta’ kollox jintlaħaq bil-purċissjoni fejn San Ġużepp ibierek mnejn kull fejn jgħaddi.”