L-Erbgħa ġiet iċċelebrata l-Festa ta’ San Girgor. Festa tradizzjonali u antika li kull sena tiġi ċċelebrata l-Erbgħa fuq l-Għid. Fil-fatt din il-festa ilha tiġi ċċelebrata mill-1543.
Kollox beda b’pellegrinaġġ mill-Kappella ta’ San Klement fiż-Żejtun għall-Knisja ta’ San Girgor fl-istess raħal. Dan il-pellegrinaġġ kien immexxi mill-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna bis-sehem tal-Kapitlu Metropolitan tal-Imdina u bis-sehem tal-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp tar-Rabat. Fl-antik dan il-pellegrinaġġ kien jinħareġ mill-Katidral tal-Imdina għaż-Żejtun u fil-fatt għalhekk il-Kapitlu tal-Imdina u l-Fratelli ta’ San Ġużepp għadhom jieħdu sehem f’dan il-pellegrinaġġ. Matul il-Pellegrinaġġ tkantaw diversi innijiet Gregorjani. Diversi persuni ħarġu jilqgħu dan il-pellegrinaġġ biswit il-pjazza ta’ ħdejn il-Knisja, li fiha hemm tiddomina l-istatwa ta’ San Gregorju l-Kbir, statwa li tħares lejn il-Katidral tal-Imdina minħabba l-assoċjazzjonijiet ta’ din il-festa mall-istess Katidral. Din l-istatwa kienet saret mill-Kantur tal-Kapitlu tal-Katidral tal-Imdina, il-Kanonku Anetto Consolani Mamo, fl-1837. Din saret f’dan il-post minħabba li l-purċissjoni tispiċċa fl-istess post.
Mal-wasla tal-pellegrinaġġ fil-Knisja, l-Arċisqof ta’ Malta għamel mumenti ta’ talb qabel ġiet iċċelebrata l-quddies. Iċ-ċelebrant qal li fi żmien il-qedem dan il-pellegrinaġġ kien isir bħala mezz ta’ talb sabiex pajjiżna jinħeles mill-mard u anke minħabba l-kunflitti li dak iż-żmien kien hawn fl-Ewropa. Qal li għalhekk illum il-ġurnata dan il-pellegrinaġġ għadu relevanti aktar minn qatt qabel, fid-dawl lid-dinja għadha ħierġa minn pandemija u kif ukoll il-gwerra li għaddeja bejn ir-Russja u l-Ukrajna.
Intant, f’ġurnata ta’ xemx tiżreġ bosta persuni rħewla lejn ir-raħal pittoresk ta’ Marsaxlokk biex iqattgħu l-jum hemmhekk.
Fil-fatt fil-Pjazza ta’ Marsaxlokk ittellgħet it-tombla u ngħalqet it-triq ta’ max-xatt biex is-sidien tar-restoranti setgħu jarmaw l-imwejjed. Minkejja li din il-festa hi magħrufa għal bosta minħabba li tfisser l-ewwel għawma tas-sena, din is-sena kienet nieqsa mill-għawm dan minħabba r-riħ qawwi mix-Xlokk għal Lvant li ħakem lill-pajjiżna.