Illum kien iċċelebrat San Ġużepp fir-Rabat. Din hija festa kemxejn differenti minn oħrajn hekk kif tiġi ċċelebrata fl-istaġun tax-xitwa iżda li xorta waħda ix-xemx sajfija dejjem tkun preżenti.
Il-festa hija mqabbla ma’ ċiklu għaliex fiha diversi attivitajiet minn waħda għal oħra. Kollox ingħata bidu permezz tal-pontifikal li mexxa l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna b’ paniġirku ta’ Patri Christopher Caruana fejn sostna li San Ġużepp huwa mudell tal-ħajja.
Patri Caruana qal li fis-soċjeta’ tal-llum San Ġużepp għandu l-irwol ta’ fidi fil-ħajja ta’ persuna miżżewġa u l-paternita.
Fil-paniġierku tiegħu l-Patri żagħżugħ qal li San Ġużepp ma kienx dgħajjef u passiv xi ħaġa li fir-realtajiet tal-llum neqsin minna għaliex hemm aktar bżonn li ma niddejqux nmorru kontra l-kurent u nibqgħu nkunu obidjenti għal alla.
Il-qofol ta’ din il-festa nazzjonali fir-Rabat tintlaħaq bil-marċ ta’ wara nofsinhar mis-siegħa sal-ħamsa. Il-briju tal-banda u l-kulur blu ddomina t-toroq Rabtin bħal kull sena.
Ddominat wkoll it-tradizzjoni Rabtija fejn dawk li jkunu qed jiċċelebraw jidħlu għal bibita fid-djar ta’ dawk tal-madwar.
Kollox jintemm bil-purċissjoni ta’ San Ġużepp segwita minn bosta nies.