Ġiet iċċelebrata l-għotja ta’ liċenzja esklussiva lill-kumpanija National Lottery plc sabiex topera l-lotterija nazzjonali ta’ Malta, li tinkludi l-logħob tal-lottu u tas-Super 5 għall-għaxar snin li ġejjin.
F’diskors waqt iċ-ċelebrazzjoni, il-Kap Eżekuttiv tan-National Lottery plc, Johann Schembri, qal li dan l-avveniment kien il-qofol ta’ snin ta’ ħidma, u rringrazzja lil dawk kollha li ħadmu għal dan l-għan.
Huwa qal li l-ambizzjoni tal-kumpanija hija li tgħolli l-livell tal-lotterija nazzjonali billi tipprovdi servizz innovattiv, ġust, u trasparenti.
Johann Schembri rrimarka li jinsab kburi li n-National Lottery plc hija l-ewwel kumpanija Maltija li se tmexxi l-aktar servizz importanti tal-logħob f’Malta.
Intant, il-Ministru responsbabli mill-Ekonomija, Silvio Schembri, stqarr li l-kumpanija se iżżomm il-logħob popolari u maħbub ħaj, filwaqt li jiġi provdut b’responsabbilità.
Il-Ministru rringrazzja lit-Taqsima tal-Privatizzazzjoni, li mexxiet il-proċess, kif ukoll lill-Awtorità Maltija għall-Logħob, l-MGA. Huwa awgura l-kumpanija għal dawn l-għaxar snin li ġejjin.