L-Għid il-Kbir, partikolarment il-festa ta’ Kristu Irxoxt, hija element ewlieni tal-kultura ta’ pajjiżna.
Diversi bliet f’pajjiżna, jiċċelebraw din il-festa, bil-purċissjoni tal-Irxoxt, ilkoll bit-tradizzjonijiet tagħhom, bħalma hi dik tal-Begigga fil-Birgu, nhar Sibt il-Għid.
“Illum il-Ħadd, Jum l-Għid il-Kbir, l-akbar festa tal-Knisja Kattolika. Eluf ta’ persuni li ħanqu t-toroq tal-Kottonera, sabiex ibierku l-bajd u l-figolli, iżda wkoll biex jaraw il-Kristu Irxoxt, li issa qam mill-imwiet. ONE News sebaħ hawnhekk fil-bliet tal-Kottonera, sabiex jara s-sentiment ta’ dawk preżenti.”
F’xemx tiżreġ, żorna l-ibliet ta’ Bormla u l-Birgu, minn fejn joriġinaw diversi tradizzjonijiet, li jmorru lura s-snin, akkumpanjati mid-daqq brijuż tal-banda, li jfakkar il-qawmien mill-mewt ta’ sidna Ġesu Kristu mill-imwiet.
F’Bormla, d-diversi ġirjiet, u t-tberik tal-bajd u l-figolli tat-tfal u fil-Birgu, il-ġirja magħrufa bħala tax-xjuħ, u t-tberik tal-Irxoxt, bil-veduta tal-baħar pittoresk, li jdawwar l-ibliet tal-Kottonera, li wkoll jiġi mbierek.
Fil-fatt, fil-Birgu, il-vara ta’ Kristu Irxoxt, saħansitra tieqaf issellem soru xwejħa, li tinsab f’siġġu tar-roti, iżda li għadha taqdi dmirijietha f’kunvent fil-qalba tal-Belt, minkejja l-limitazzjonijiet tagħha.
Komuni bejn iż-żewġ ibliet – l-ammont ta’ nies li ħonquhom, minn tfal żgħar sa anzjani, ilkoll jiċċelebraw din il-festa.
Taħt xita ta’ karti, bżieżaq, u logħob tan-nar u fl-isfond ta’ briju liema bħalu, ONE News tkellem ma’ bosta reffiegħa, li ta’ kull sena, b’element ta’ kburija jerfgħu il-vara ta’ Kristu Irxoxt u saħansitra f’xi waqtiet jiġru biha.
Tkellimna wkoll ma’ bosta persuni, li l-festa ta’ Kristu Irxoxt hija appuntament annwali fil-Kalendarju tagħhom.
Qasmu ħsibijiethom magħna wkoll diversi turisti, li ġew f’pajjiżna, sabiex jaraw il-kultura rikka li hu mogħni biha pajjiżna.