F’temp pjuttost sajfi l-festa tal-Għid il-Kbir kienet iċċelebrata Bil-mod tradizzjonali tagħha madwar Malta u Għawdex.
Crew ta’ dan l-istazzjon niżel f’Ħal Qormi, fil-Parroċċa ddedikata lil San Ġorġ fejn segwa l-purċissjoni tradizzjonali li għaliha attendew mijiet ta’ persuni.
Ma naqasx li fiċ-ċentru ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet kien hemm l-istatwa ta’ Kristu Rxoxt li tgawdi minn storja rikka.
Dan hekk kif l-istatwa oriġinali kienet tikkonsisti biss minn figura tal-kartapersta ta’ Kristu Rxoxt. Madanakollu l-vara li għadha titgawda sal-lum il-ġurnata, fiha wkoll xbieha ta’ żewġ għassiesa imwerwrin, xogħol Vincenzo Cremona li jmur lura għall-1891.
Mal-medda taż-żmien l-vara sarulha diversi interventi ta’ restawr biex b’hekk baqgħet tpaxxi l-għajn mhux biss matul il-purċissjoni iżda anki ġewwa l-knisja ta’ San Ġorġ.
Minkejja dan, is-sabiħ taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Għid il-Kbir f’pajjiżna jdur mal-ġirja tradizzjonali li tattira lejha l-eluf ta’ persuni, Maltin u turisti lejn pajjiżna.
F’Ħal Qormi dan ma naqasx hekk kif l-vara ta’ Kristu Rxoxt ġriet it-triq ta’ quddiem il-knisja, b’din il-ġirja tkun akkumpanjata minn ċapċip ta’ dawk preżenti.
Din il-ġirja imbagħad tkun segwita bil-vara ddur tħares lejn il-folla miġmugħa.
F’dak il-ħin, dan l-istazzjon silet ftit mir-reazzjonijiet tar-reffiegħa li bla dubju jkunu fis-seba’ sema’ hekk kif il-purċissjoni tkun saret b’suċċess.
Qalu, “Din hija s-sitt darba jiena, flimkien mat-tifel tiegħi Luke Cauchi, l-ewwel darba wkoll. Flimkien ma’ Shaun, l-ewwel darba wkoll. L-esperjenza b’mod żagħżugħa. Allura jkollok prodott illi fl-irfiegħ aħna l-Qriema għalina aħna dejjem inħalltu u dejjem inrawmu għal quddiem.”
“Tbati imma tieħu gost hux, esperjenza sabiħa u l-ġirja taqta’ qalbek imma sabiħ.”
“Din hija l-ħames darba, għax trid tqis li l-Covid u x-xita, din it-tieni darba tiegħi fl-irxoxt esperjenza sabiħa ħafna l-aqwa li għadda kollox b’wiċċ il-ġid.”
Ma naqasx ukoll li nieħdu kumment mingħand l-Arċipriet tal-Parroċċa, il-Kanonku Mario Mangion, li awgura biex is-sinifijat ta’ dak li l-Knisja tiċċelebra fl-Għid, ngħixuh is-sena kollha.
Qal, “Ifhem naħseb festa li tiġbor kollox fil-ħajja tan-Nisrani u tal-Knisja, u naħseb il-folla li hawn illum tixhed ukoll dak li ngħixu mhux biss fil-qalb imma anki bl-emozzjonijiet tagħna, jiġifieri dak li jesperjenza in-nies illum hija xi ħaġa inkredibbli. J’Alla dak li hemm f’qalbna llum inżommuh u ngħixuh.”
Imbagħad il-vara waslet biex tiddaħħal lura fil-knisja fejn ukoll intlaqgħet b’ċapċip minn dawk preżenti, sakemm tpoġġiet fuq pedestall fil-ġenb tal-knisja.
Hemmhekk, l-Arċipriet Mangion għadda l-barka tiegħu f’forma ta’ messaġġ qasir li ntemm bil-kliem Viva Kristu Rxoxt.