Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Missier, is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis iltaqa’ mar-residenti u l-ħaddiema ta’ San Vinċenz de Paul f’Ward 1 fejn tqassmu r-rigali tal-okkażjoni.
Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis, filwaqt li awgura dan il-jum speċjali lil missirijiet kollha, saħaq li l-missier għandu rwol importanti ħafna għall-familja speċjalment fit-trobbija tal-ulied. Għaldaqstant l-ulied ta’ missirijiet anzjani għandhom joffru l-appoġġ u mħabba f’din il-fażi delikata tal-anzjanità. Huwa ħeġġeġ sabiex il-familjari ma jinsewx lill-qraba tagħhom u jżuruhom matul is-sena kollha.
Is-Segretarju Parlamentari ħa l-okkażjoni jżur fost oħrajn resident ta’ disgħin sena li kien qiegħed jiċċelebra dan il-jum flimkien mal-familjari tiegħu fejn flimkien tkellmu u qasmu xi esperjenzi ta’ ġenerazzjonijiet differenti.