Il-Ġimgħa filgħaxija, f’ċerimonja fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann u fil-Palazz tal-President fil-Belt, tfakkar it-tletin anniversarju mit-twaqqif tal-Gvernijiet lokali fil-gżejjer Maltin.
Kien it-tletin ta’ Ġunju tal-elf disa’ mija u tlieta u disgħin, li nħareġ Att numru ħmistax, b’liġi mill-Parlament Malti biex tipprovdi għat-twaqqif tal-kunsilli lokali.
Il-quddies ġiet iċċelebrata mill-Arċisqof Charles Scicluna, fil-preżenza tal-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura tiegħu Miriam Vella.
Fil-bidu tal-quddies, il-Presidenti Reġjonali poġġew il-bnadar tar-reġjuni rispettivi fuq il-kanċell f’sinjal simboliku.
F’diskors tal-okkażjoni, il-President semma kif il-kunsilli lokali għexu t-tibdil kbir li għaddiet minnu s-soċjetà tul is-snin, iżda nnota li minkejja kollox, il-kunsilli kienu u baqgħu l-ewwel post ta’ referenza għaċ-ċittadin biex iħares it-tisħiħ u t-tisbiħ tal-lokalità fejn jgħix.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli qalet li għal dawn l-aħħar tliet deċenji, il-kunsilli lokali ħadmu u servew viċin ir-residenti, irrispettivament mill-isfidi u l-bżonnijiet tal-lokalitajiet tagħhom.
Qalet, “Illum, tletin sena wara, qegħdin hawnhekk wara li ftit tax-xhur ilu nedejna l-viżjoni strateġika nazzjonali għall-Gvern lokali biex inkomplu niġġeddu u naffaċċjaw l-isfidi ġodda li jiltaqgħu magħhom il-kunsilli lokali Maltin u Għawdxin.”
Il-Ministru għall-Gvern Lokali, Owen Bonnici qal li kull min jaħdem fil-qasam tal-Gvern Lokali għandu jħossu kburi b’dak miksub tul is-snin, u tenna l-importanza li wieħed iħares ’il quddiem għal aktar ħidma.
Qal, “Il-kunsilli lokali u reġjuni daħlu fil-ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, tan-negozji Maltin u Għawdxin, u aħna rridu nkomplu nagħmluhom aktar relevanti u li jagħtu għajnuna biex inkomplu nkabbru l-komunitajiet u s-soċjetajiet tagħna.”