Taħt xemx tiżreġ, fil-Jum Nazzjonali għall-Isport, tfal minn diversi skejjel Primarji minn madwar il-pajjiż ingħaqdu fil-Marsa Sports Grounds biex jieħdu sehem fin-National Sports Day.
Din l-Isports Day, maħsuba biex trawwem lit-tfal bin-namra għall-isport, ġiet organizzata mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni u taħt il-patroċinju ta’ Dr Lydia Abela, mart il-Prim Ministru.
It-tfal kellhom l-opportunità li, flimkien mal-għalliema tagħhom, jipprovaw diversi tipi ta’ sport differenti.
Dan filwaqt li Dr Abela, il-Ministru Clifton Grima, il-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta, Mark Cutajar, u diversi rappreżentanti minn Sport Malta, kellmu lit-tfal preżenti u anke lagħbu magħhom.
Mart il-Prim Ministru tkellmet dwar l-importanza tal-isport, speċjalment sa minn età tenera, hekk kif l-isport iwassal għal valuri tajba, bħalma huma r-rispett u l-inklużjoni.
Il-Ministru għall-Isport Clifton Grima, spjega eżatt x’tinkludi fiha din l-attività u kif hemm il-ħsieb li din tibda tkun appuntament annwali, hekk kif mhux biss serviet ta’ attività sportiva, iżda wkoll biex tippromwovi l-isport.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta, Mark Cutajar, saħaq li din il-ġurnata, għandha tkun waħda li fiha wieħed jagħmel l-aktar sport u attività fiżika.
SportMalta għandha wkoll diversi inizjattivi marbutin mal-promozzjoni tal-isport u l-attività fiżika, fosthom il-kampanja #BeActive u l-Ġimgħa Ewropea tal-Isport. Dan filwaqt li l-Ministeru rispettiv wettaq investiment massiċċ f’dan is-settur.