Malta pparteċipat fl-avvenimenti li ġew organizzati ġewwa l-kwartieri tal-Ġnus Magħquda fl-Ewropa, f’Ġinevra, l-iSvizzera.
Pajjiżna kien wieħed mill-erba’ pajjiżi illi kkollaboraw bis-sħiħ mal-Ġnus Magħquda f’din iċ-ċelebrazzjoni, bir-rappreżentanti Maltin, flimkien mad-delegazzjoni Maltija li kienet preżenti pparteċipaw fl-20 Sessjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità tal-Ġnus Magħquda u ħadu sehem fiċ-ċerimonja tal-ftuħ magħurfa bħala pop-up café.
L-iskop tal-pop-up café hu li tintuża biss il-lingwa tas-sinjali biex tikkomunika biex b’hekk il-persuni li jisimgħu, ikollhom l-opportunità li jitgħallmu din il-lingwa u jikkomunikaw mal-komunità Deaf.
Annabelle Xerri, chairperson tal-KLSM, qalet li huwa importanti illi nagħrfu u nippromwovu l-użu tal-lingwa tas-sinjali, bħala mezz essenzjali ta’ komunikazzjoni u aċċessibilità għal persuni Deaf.
Il-kunsill tal-lingwa tas-sinjali Maltija kellu l-opportunità jiġi l-United Nations f’Ġinevra biex jiltaqa’ ma’ esperti deaf minn pajjiżi differenti biex inkunu nistgħu nikkomunikaw flimkien u naqsmu l-esperjenzi ta’ xulxin biex inkunu nistgħu naraw x’nistgħu nagħmlu għall-komunita deaf ta’ Malta.
Fl-intervent tiegħu, s-Segretarju Parlamentari, Anthony Agius Decelis saħaq kif il-Gvern Malti jara li jagħti prijorita lill-komunita deaf ta’ Malta:
Malta hija wieħed minn 45 pajjiż fid-dinja li għandu lingwa uffiċjali tas-sinjali, aħna ċċelebrajna dan il-jum għaliex nemmnu li ħadd mgħandu jkun eskluż fis-soċjetà tagħna u allura ħa nkomplu nsaħħu s-servizzi li diġà għandna.