Fil-Jum Internazzjonali tal-Anzjani, is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis żar lil bosta anzjani, sabiex juri l-apprezentament tiegħu lejn dawn il-persuni li tant għandhom irwol importanti fis-soċjetà.
Agius Decelis żar dar residenzjali fil-Mosta, San Vinċenz De Paul u ċ-ċentru ta’ matul il-jum ġewwa Ħal Luqa, fejn iltaqa’ u tkellem ma’ dawn l-anzjani.Għal din l-okkażjoni, is-Segretarju Parlamentari wassal messaġġ importanti sabiex kull persuna tkun parti mill-anzjanità attiva, għaliex huwa importanti li l-anzjani jibqgħu attivi, għal benefiċċju tagħhom, kif ukoll għaliex għad għandhom ħafna x’jikkontribwixxu lejn is-soċjetà Maltija. Huwa ħeġġeġ lill-anzjani jipparteċipaw fl-attivitajiet li jkunu organizzati mill-ħaddiema tad-djar residenzjali u ċ-ċentri ta’ matul il-jum, jibqgħu attivi fil-ħajja tagħhom, jagħmlu l-affarijiet li jtuhom sodisfazzjon, eżercissju fiżiku, u jaqsmu l-għarfien u l-memorji tagħhom ma’ ħaddieħor.
Huwa stqarr illi dan is-Segretarjat Parlamentari lest li jisma’ u jilqa’ l-ideat u x-xewqat tagħhom, u jieħu azzjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-anzjanità. B’hekk Agius Decelis inkoraġġixxa lill-anzjani biex jersqu ’l quddiem bl-ideat tagħhom sabiex flimkien inkomplu nżommu dan is-settur attiv.
Fl-aħħarnett, Agius Decelis irringrazzja minn qalbu lill-ħaddiema kollha li jaħdmu b’dedikazzjoni f’dan is-settur, għaliex bis-saħħa tagħhom l-anzjani jibqgħu jgħixu ħajja ta’ kwalità u bir-rispett li jixraqilhom.