Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima żar l-attivitajiet sportivi li għaddejjin fl-Iskola Primarja ta’ San Ġwann fil-jum Ewropew iddedikat għall-isport fl-iskejjel, bħala inkoraġġiment biex kulħadd jieħu sehem f’aktar attività fiżika u ta’ saħħa aħjar.
Is-Segretarju Parlamentari rringrazzja lill-għalliema u qal li t-tfal għandhom ikunu esposti għal attivitajiet diversi li jgħinuhom jibnu ħiliet fiżiċi speċjalment l-aġilità, il-bilanċ u l-koordinazzjoni – il-bażi ta’ kull sport. L-attivitajiet għandhom ikunu attraenti għat-tfal biex ma jarawx l-isport bħala dmir biss imma bħala attività li jieħdu gost jagħmluha. Kienet sfida li jkollok attività sportiva fl-ewwel ġimgħa tas-sena skolastika però, qal is-Segretarju Parlamentari Grima, permezz ta’ din l-attività l-isport ikompli jkun meqjus bħala suġġett importanti fil-kurrikulu skolastiku.
Il-jum Ewropew iddedikat għall-isport fl-iskejjel hu parti mill-kampanja ‘NowWeMove’ li ġiet żviluppata minn konsorzju magħmul minn organizzazzjonijiet Ewropej. Din il-kampanja għandha l-iskop li tippromwovi s-saħħa u l-benesseri bħala esperjenza ta’ tagħlim tul il-ħajja u biex ikunu żviluppati l-kompetenzi u l-ħiliet soċjali fost l-istudenti permezz ta’ diversi logħob u esperjenzi sinifikanti oħrajn.
“Nemmnu li l-iskejjel għandhom ikunu l-punt fokali fejn il-veru valur tal-bażi tal-isport jitwettaq. Għalhekk qegħdin nistiednu lill-iskejjel kollha mhux biss biex jingħaqdu f’din l-attività, imma wkoll biex jieħdu sehem f’dan il-programm sportiv daqstant dinamiku li qed norganizzaw matul din il-ġurnata”, qal il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar.
L-organizzaturi tal-jum Ewropew iddedikat għall-isport fl-iskejjel taw ukoll ideat ġodda lill-għalliema u lill-istudenti biex ikunu jistgħu jippjanaw u jħejju l-programm sportiv rispettiv tagħhom ’il barra mill-klassijiet tal-iskola, bl-iskop aħħari li f’din l-attività jkun hemm kemm jista’ jkun parteċipazzjoni possibbli.